B’Impenn u determinazzjoni nkomplu nsaħħu l-Kredenzjali Demokratiċi ta’ Pajjiżna – One News

Notifiki

B’Impenn u determinazzjoni nkomplu nsaħħu l-Kredenzjali Demokratiċi ta’ Pajjiżna

Il-Policy Forum dwar il-Qafas Demokratiku ta’ Pajjiżna jilqa’ b’sodisfazzjon iċ-ċertifikat b’saħħtu li ngħata l-Gvern Malti mill-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali, Moody’s, għar-riformi kostituzzjonali li ntroduċa fl-aħħar ġimgħat. Dawn kienu l-aħħar minn sensiela ta’ deċiżjonijiet kuraġġjuzi li ttieħdu bil-għan li jkomplu jissaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, is-Saltna tad-dritt u l-governanza tajba.

Ġustament, l-istess rapport tal-Moody’s faħħar id-determinazzjoni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi storiċi, li għalkemm il-ħtieġa tagħhom kienet ilha tinħass snin twal, kien biss fl-aħħar ġimgħat li ġew attwati.

Ir-rieda u d-determinazzjoni tal-Gvern Laburista għandha sservi ta’ nkoraġġiment għal dawk kollha li diġà wrew l-intenzjoni tagħhom jew qed jaħsbuha biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-Policy Forum dwar il-Qafas Demokratiku ta’ Pajjiżna bħala parti mill-proġett 100 idea.

Id-diskussjoni dwar il-qafas demokratiku ta’ pajjiżna għandha tkun waħda kontinwa biex ikun assigurat, li bit-tħaddim tal-prinċipji demokratiċi, inkomplu naraw l-istituzzjoniijiet ta’ pajjiżna jibqgħu jissaħħu ħalli jkomplu jieqfu quddiem l-abbuż u fuq kollox jassiguraw li kulħadd ikompli jkollu d-dritt li jagħżel u jiddetermina d-destin tiegħu.

It-twaqqif tal-Policy Forum dwar il-Qafas Demokratiku ta’ pajjiżna bħala parti mill-proġett 100 IDEA huwa affermazzjoni ta’ kemm il-Partit Laburista huwa Partit riformista li jrid ikun ix-xprun ta’ aktar riformi kuraġġjużi, li jkomplu jsaħħu l-pillari kollha tad-demokrazija ta’ pajjiżna.

Kulħadd huwa mistieden jipparteċipa bl-ideat tiegħu, biex flimkien mal-Partit Laburista, b’impenn u determinazzjoni nkomplu nsaħħu l-Kredenzjali Demokratiċi ta’ Pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend