Bernard Grech jgħid li ma kienx żball li kkampanja kontra l-liġi tad-divorzju – One News

Notifiki

Bernard Grech jgħid li ma kienx żball li kkampanja kontra l-liġi tad-divorzju

Bernard Grech, li qed jikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, iddikjara li ma kienx żball li kkampanja kontra l-liġi tad-divorzju.

L-avukat Grech qal dan mat-Times f’intervista li fiha ddefenda l-pożizzjoni li ħa fl-aħħar snin kontra t-twessigħ ta’ ċertu drittijiet ċivili.

Jirriżulta li Bernard Grech qed ikun appoġġjat mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li wkoll kien ikkampanja kontra l-liġi tad-divorzju.

Gonzi kien vvota kontra r-rieda tal-poplu fil-Parlament meta ġiet biex tgħaddi l-liġi.

Saħansitra, mat-Times, Bernard Grech qal li huwa qatt ma qal li huwa kontra d-divorzju. “I was not anti-divorce”, ġie rappurtat jgħid il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.

Mistoqsi dwar drittijiet għall-persuni gay, partikolarment iż-żwieġ u l-adozzjoni, Bernard Grech kien attent li ma jiżbilanċjax ruħu u qal biss li dawn huma non-issues.

Internament fil-Partit Nazzjonalista, persuni qrib Adrian Delia rreaġixxew għall-intervista ta’ Bernard Grech billi qalu li din hi xhieda ta’ persuna supperva u kemxejn rasha iebsa. “L-istess karattru ta’ Jason Azzopardi,” qalu f’messaġġi dalgħodu dawk li jappoġġjaw lil Delia.

“Mhux ta’ b’xejn mar jiltaqa’ miegħu”, żiedu jgħidu ta’ Delia, b’referenza għar-rapport ta’ ONE News tat-Tnejn 27 ta’ Lulju.

Dakinhar, Bernard Grech kien inqabad fil-fatt jiltaqa’ ma’ Jason Azzopardi, lejlet vot mill-membri tal-Kunsill Ġenerali li kellu jiddeċiedi jekk it-tesserati jikkonfermawx lil Delia bħala Kap jew jagħżlu Kap tal-Partit Nazzjonalista f’elezzjoni.

Intant l-avukat Grech ma qagħadx lura milli juża l-intervista mat-Times biex jattakka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa tefa’ t-tort fuq Delia li l-Partit Nazzjonalista jinsab mifrud.

Fl-istess ħin Grech qal li lil Delia jrid iżommu fil-partit biex dawk li jappoġjawh ma jitilqux.

Fl-aħħar jiem, ONE News u anki t-Times irrappurtaw li wara l-kampanja ta’ Bernard Grech hemm l-eks Prim Ministru u Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi u l-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Louis Galea.

Dawn it-tnejn qed jipparteċipaw f’laqgħa fit-tul b’rabta mal-kampanja ta’ Bernard Grech.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend