ARA kif isiru l-ispezzjonijiet mill-MTA fl-istabbilimenti – One News

Notifiki

ARA kif isiru l-ispezzjonijiet mill-MTA fl-istabbilimenti

Awwissu. L-eqqel tas-sajf Malti.

Għal ħafna dan iż-żmien ma jqattgħuh imkien għajr il-baħar, jew ġo xi kamra jew ristorant bl-arja kkundizzjonata b’xi platt ikel tajjeb u bnin quddiemhom.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-Uffiċjali tal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu hekk kif ta’ kuljum bi nhar u bil-lejl jinsabu għaddejin b’ħidma bla waqfien jispezzjonaw ir-ristoranti u l-istabbiliment fid-dawl tal-imxija tal-Covid-19 u b’hekk jassiguraw li l-konsumatur jieħu servizz f’ambjent sigur.

ONE News qatta’ lejl mal-uffiċjali tal-MTA fl-inħawi tal-Gżira, Tas-Sliema u San Ġiljan sabiex isegwi mill-qrib l-ispezzjonijiet fl-istabbilimenti li bħalissa qed isiru madwar Malta u Għawdex.

Ma’ kull ristorant jew stabbiliment li kellu ssirlu spezzjoni nnutajna prattika komuni mill-uffiċjali.

Id-Direttur David Mifsud, li kien preżenti wkoll mal-uffiċjali fuq il-post, spjegalna f’iktar dettall l-aktar affarijiet importanti li jħarsu lejhom l-uffiċjali huma u jispezzjonaw l-istabbilimenti u r-ristoranti.

Huwa stqarr: “Huma d-distanzi bejn l-imwejjed barra u ġewwa li huma ta’ żewġ metri barra u 3 metri ġewwa u anke d-distanza tas-siġġu minn dar għal dar li huma metru barra u żewġ metri ġewwa kif ukoll li l-istaff kollu jkun liebes il-maskri u li jkun hemm is-sanitizers.”

Stajna ninnutaw ukoll kif l-uffiċjali jispezzjonaw mhux biss fuq barra tar-ristorant iżda anke ġewwa. Fosthom fil-kċejjen u l-kmamar tal-banju. Dan permezz ukoll ta’ uffiċjali tas-sanità. Flimkien mal-uffiċjali kienu preżenti wkoll pulizija sabiex jassiguraw l-ordni.

Intant is-Sur Mifsud appella mal-pubbliku sabiex jekk jinnutaw stabbiliment li ma jsegwix il-protokolli mhux biss jirrappurtawh iżda wkoll jevitaw li xorta jattendu fil-post.

Is-Sur Mifsud sostna: “Aktar importanti, is-saħħa qiegħda għand il-konsumatur li jmur jiekol li jekk hu jersaq lejn post apparti li jirrappurtah ma jmurx f’dak il-post u jmur ifittex post fejn qed josserva l-protokolli.”

Fl-aħħar jiem l-MTA wettqet il-fuq minn 500 spezzjoni bi 12-il stabbiliment instabu jiksru l-protokolli stabbiliti. Dawn l-istabbilimenti weħlu sa’ massimu ta’ €3,000 kull wieħed.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend