Illum sar avveniment li mmarka tmiem l-iskola sajf Lhudija fejn tfal Lhud jingħataw l-opportunità li jkollhom aċċess għal edukazzjoni Lhudija.
Waqt li kien qed jieħu sehem f’din l-attività l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li hemm diversi programmi edukattivi li jsiru matul is-sena biex jissupplimentaw lit-tfal Lhud li jitgħallmu fi skejjel lokali differenti, bil-kultura u bl-ilsien Lhudi. L-Iskola Sajf Gan Israel saret waħda mill-punti ewlenin ta’ dawn il-programmi. Dan bil-għan li tfal Lhud ta’ bejn it-3 u t-12-il sena jgawdu xahar sħiħ mill-kultura tagħhom, mal-ħbieb tagħhom mill-komunità. Dan minkejja l-iskeda stretta u l-isfidi li ffaċċjajna minħabba l-imxija tal-Covid-19.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol intqal li dan l-avveniment huwa pass importanti li jimmarka l-koperazzjoni bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-komunità Lhudija f’Malta.