Żewġ żgħażagħ mis-Sudan inżammu arrestati wara li lbieraħ filgħaxija serqu żewġ persuni f’żewġ każijiet separati fil-Marsa.
Il-każ ġara lbieraħ għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, meta il-Pulizija tal-Għassa tal-Marsa kienu qed jagħmlu ronda u nstema għajjat fl-inħawi ta’ Triq Derby.
Il-pulizija marru fit-triq u hemmek ġew avviċinati minn taġel mill-Mali ta’ 28 sena u qal li kien għadu kif ġie misruq minn żewġ persuni.
Fuq il-post, il-Pulizija ġew avviċinati minn raġel ieħor ta’ 23 sena mill-Eritrea u qal ukoll li ġie aggredit minn żewġ persuni b’arma li taqta’ u bil-ponta u serquh.
Fuq il-post immedjatmanet issejjħet ambulanza b’tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Minn dak il-ħin il-Pulizija bdew bit-tfittxija għaż-żewġ żgħażagħ u ftit wara ntlemħu fil-viċinanzi tal-Għassa tal-Marsa. Huma twaqqfu mill-Pulizija, b’wieħed minnhom rema’ mal-art l-arma li taqta’ u bil-ponta.
Minn tfittxija li saret fuqhom instabu ċwievet, lighters, żewġ mobiles u ammont ta’ flus kontanti.
Iż-żewġt irġiel; wieħed ta’ 20 sena u l-ieħor ta’ 18-il sena, ġew arrestati u ttieħdu ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-aktar investigazzjonijiet.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.