Heritage Malta lestiet it-tiswija tat-tinda li tipproteġi s-sit preistoriku ta’ Ħaġar Qim. Dan wara li fl-erbatax ta’ Diċembru li għadda, f’maltempata li ħakmet il-gżejjer Maltin, parti żgħira minn din it-tinda ċċartet. Parti mit-tinda l-ġdida ġiet mill-Amerika.
Il-kuratur anzjana tas-siti pre-istoriċi Katya Stroud qalet kif fortunatament il-ġebel megalitiku tat-tempju ma ġralu l-ebda ħsara, hekk kif il-biża’ kienet li l-parti mċarta segħtet tolqot il-fdalijiet ta’ dan il-maqdes.
“Allura bħala xogħlijiet, Heritage Malta li għamlet mal-ewwel hija apparti li avżajna n-nies li bnew it-tinda oriġinarjament, illi jagħmlu l-maintenance, min-naħa ta’ Heritage Malta, min-nies tagħna ġew neħħew dik il-panel mit-tinda li kienet imqatta’ u għamilna straps temporanji biex inti l-istruttura, il-kumplament tal-istruttura tibqa b’saħħitha.”
Din il-parti l-ġdida tat-tinda protettiva kellha tasal f’pajjiżna f’Marzu li għadda iżda minħabba l-pandemija ngħalaq l-ajruport ta’ Milan u din ma segħtetx tasal. Kien fix-xahar ta’ Lulju, meta din il-parti waslet f’pajjiżna u twaħħlet f’postha.
Il-kuratur qalet magħna kif din it-tinda hija importanti biex tipproteġi lis-sit storiku, li huwa wieħed mill-aktar strutturi weqfin antiki fid-dinja, mill-elementi naturali.
“Minħabba l-mod kif inhuma mibnija dawn il-fdalijiet, għandek ħajt fuq barra tal-bini u ħajt ieħor fuq ġewwa u bejnithom mimli b’ħamrija u ġebel żgħir – mazzkan basically. Meta tagħmel xita qliel, li hawn Malta nafu li now and then ikollna dal-maltempati sew dak il-materjal joħroġ mal-ilma tax-xita u b’hekk ikollok iż-żewġ ħitan li m’għandhomx saħħa”
Intant Katya Stroud spjegat kif Heritage Malta għaddejja bi studju dwar kif tista’ tiġi esplorata l-possibilità li t-tempji jiġu protetti mingħajr il-ħtieġa ta’ struttura enormi tgħatti lis-sit.