F’jum Santa Marija u lejlietha, l-għaqda piroteknika Għawdxija, Vampa, se tkun qed toffri spettaklu ta’ nar mill-għolja ta’ Gelmus.
Dan l-ispettaklu pirotekniku se jkun qed isir hekk kif l-Għaqda Vampa qed tiċċelebra t-tletin sena mit-twaqqif tagħha.
Dan l-ispettaklu fil-gżira tat-tliet għoljiet se joffri uħud mill-aqwa xogħlijiet pirotekniċi li għandna f’pajjiżna.
Il-Koordinatur tal-Għaqda Vampa, Gordon Grech spjega kif danl-ispettaklu se jkun maqsum fi tnejn. L-ewwel parti se tibda fis-sitta u nofs tas-Sibt filgħaxija, fejn se jinħaraq is-salut u wara li jindaqq l-innu marċ se tinħaraq il-kaxxa.
Imbagħad l-ispettaklu jkompli wara t-talb ġewwa l-Katidral fiċ-Ċittadella, għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħaxija. Hawnhekk se jkun hemm spettaklu tan-nar tal-ajru fejn is-smewwiet mistennija jiddawlu b’kuluri sbieħ.
“Ħadna l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, biex din is-sena wkoll nagħtu spettaklu ridott, imma fl-istess ħin li jagħti l-ġieh kbir lill-padruna tagħna, Santa Marija”
Waqt li rajna l-aħħar preparamenti qabel jinħaraq in-nar minn fuq Gelmus, Gordon Grech qalilna kif dan l-ispetakklu se jittella’ f’konformità ma’ dak li qegħdin jappellaw l-awtoritajiet tas-saħħa u appella sabiex in-nies ma’ jinġabrux qaqoċċa.
“Inħeġġu lill-pubbliku biex m’għandux għalfejn jersaq jew imur f’xi mases mad-dawra tal-Belt taċ-Ċittadella, kif ukoll jinġemma x’imkien. Jista’ jgawdi dan in-nar mill-għolja ta’ Gelmus minn kullimkien ġewwa Għawdex”
Intant l-istatwa ta’ Santa Marija tal-Katidral, se tkun qed toħroġ fuq iz-zuntier.
Fi stqarrija, is-Soċjetà Filarmonika Leone qalet li fid-dawl tal-miżuri mill-awtoritajiet tas-saħħa, se tkun qed tikkontrolla l-aċċess fil-pjazza tal-Katidral.