L-istatwa ta’ Santa Marija se tkun qed toħroġ xorta waħda mill-bieb tal-Katidral tar-Rabat Għawdex.
Ftit tal-jiem ilu l-Kurja ħarġet direttivi li permezz tagħhom ħassret il-pellegrenaġġi kollha bl-istatawi.
Fi stqarrija s-Soċjetà Filarmonika Leone qalet li fid-dawl tar-restrizzjonijiet mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, se tkun qed tikkontrolla l-aċċess fil-Pjazza tal-Katidral.
Dan l-aċċess se jkun ristrett biss għall-Bandisti tal-Banda Ċittadina Leone A.D. 1863, membri tal-Aurora Youth Choir u l-Kapitlu u Kleru. B’hekk, membri tal-Kumitat Ċentrali u Kummissjonijiet u l-pubbliku mhux se jkunu permessi jidħlu f’dawn iż-żoni.
Uffiċjali tas-Sigurtà se jkunu qed jikkontrollaw dawn l-ispazji indikati.
Is-Soċjetà qalet li “qed terfa din ir-responsabbiltà għaliex verament temmen li l-poplu Malti għandu jgħix dan il-mument f’dawn iż-żminijiet diffiċli.”