Id-difiża ta’ Yorgen Fenech titlob biex tiġi eżaminata s-saħħa mentali ta’ Melvin Theuma – One News

Notifiki

Id-difiża ta’ Yorgen Fenech titlob biex tiġi eżaminata s-saħħa mentali ta’ Melvin Theuma

Il-Maġistrat Rachel Montebello talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga minn fejn ħarġu r-recordings ta’ Melvin Theuma u jittieħdu proċeduri kriminali kontra min ħariġhom.

Il-Maġistrat iddikjarat dan hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tan-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Nhar il-Ħadd ħareġ recording ta’ konversazzjoni li kellu l-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma. Dawn ir-recordings spiċċaw ippubblikati fuq il-midja nhar il-Ħadd li għadda.

Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li tinsab irrabjata li ħarġu dawn ir-recordings ta’ Melvin Theuma u kkundannat l-mod ta’ kif dawn spiċċaw ippubblikati fuq il-midja

Hija talbet ukoll lir-reġistratur tal-Qorti sabiex jittieħdu passi kontra ċerti kmamar tal-aħbarijiet li għażlu li jippubblikaw dawn ir-recordings.

Intant waħda mill-avukati ta’ Yorgen Fenech, Marion Camilleri, talbet lill-Qorti sabiex taħtar espert li jeżamina s-saħħa mentali ta’ Melvin Theuma, ix-xhud ewlieni f’dan il-każ li ngħata l-proklama sabiex jgħid il-verità kollha li jaf.

Id-difiża ta’ Fenech qalet li wieħed irid anke jistabilixxi l-istat mentali ta’ Theuma meta xehed f’din il-kumpilazzjoni qabel instab f’għadira demm ix-xahar li għadda.

Fil-Qorti xehed il-Kaptan Logan Wood, li fl-20 ta’ Novembru kien qed isuq il-jott ta’ Yorgen Fenech. Fuq il-jott kien hemm ukoll Fenech, li ġie arrestat f’operazzjoni mill-Armata u l-Pulizija, hu u ħiereġ bil-jott mill-Marina ta’ Portomaso.

Il-kaptan, li huwa impjegat ta’ Tumas Group qal li darba f’sena bejn Novembru u Jannar kien jieħu l-jott, Pozzallo għat-tiswija u kien jgħid lil xi ħadd mill-familja Tumas sabiex imorru miegħu.

Fil-Qorti huwa esebixxa email li bagħat lill-port ta’ Pozzallo fi Sqallija għal meta jkun jista’ jieħu l-jott. Bl-ispettur Keith Arnaud irrimarka li fl-email li bagħat, il-kaptan saqsa biex jieħu l-jott fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru u mhux f’Novembru kif oriġinarjament qal li kien se jagħmel.

Il-kaptan irrakkonta kif tkellem ma’ Yorgen Fenech u raqdu fuq il-jott. Uffiċjali ta-sigurtà tal-marina ta’ Portomaso wissewhhom sabiex joqogħdu attenti għax raw xi uffiċjali tas-CID fiż-żona.

Irrakkonta li hekk kif l-awtoritajiet tal-port tawh is-sinjal li jista’ joħroġ bil-jott, huwa beda jsalpa imma ftit wara li ħareġ mill-Marina sab l-Armata ma’ wiċċu u ordnawlu sabiex jidħol lura.

Irrakkonta li telgħu l-pulizija u għamlu t-tfittxijiet fuq il-jott filwaqt li hu u Fenech ġew immanetjati.

Il-kaptant xehed li Yorgen Fenech qallu, “Tinkwieta xejn, dawn qed jippruvaw joħolqu storja li aħna konna se naħarbu.”

Qal li l-jott kellu apparat ta’ bih ikunu jafu fejn sejrin iżda għal dakinhar tefa’ l-apparat għaliex ġurnata qabel ra cameraperson ħdejn il-marina ta’ Portomaso u ma ridx li hu u Fenech jiġu segwiti.

Il-kaptan ċaħad li Yorgen Fenech kien se jaħrab mill-pajjiż b’dan il-jott.

 

Il-Maġistrat tordna li jittieħdu passi kontra min ħareġ recording ta’ Melvin Theuma

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *