Cassola jrid ipoġġi lill-Prim Ministru taħt inkjesta – One News

Notifiki

Cassola jrid ipoġġi lill-Prim Ministru taħt inkjesta

Iridu jgħaddu minn inkjesta oħra lill-Prim Ministru Robert Abela, din id-darba dwar l-imxija.

Fit-Times, l-eks chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola talab li ssir inkjesta Maġisterjali.

Cassola semma lill-Prim Ministru u l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli.

Madwar id-dinja reġgħu żdiedu l-każijiet tal-COVID-19, li tefgħet piżijiet kbar fuq kull pajjiż fosthom fuq l-ekonomija.

Fatt li anki ġie rikonoxxut minn Cassola innifsu, li qal li l-każijiet tal-Coronavirus qegħdin jiżdiedu kullimkien iżda fl-artiklu li kiteb fuq it-Times, Arnold Cassola talab li immedjetament tissejjaħ inkjesta.

Din it-talba ta’ Cassola saret ġimgħa wara li l-Gvern immexxi minn Robert Abela wasal fi qbil fuq ħafna punti mal-imsieħba soċjali b’rabta mal-miżuri ta’ prekawzjoni dwar l-imxija.

Fil-fatt kien hemm kunsens fuq il-miżuri li ġew proposti mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

Dan apparti li fattwalment huma ftit in-nies li jinsabu rikoverati fl-Isptar Mater Dei minħabba l-COVID-19 u l-ftit persuni infettati oħra li jinsabu fi sptarijiet oħra, jinsabu rikoverati fl-isptarijiet biex jiġu iżolati min-nies vulnerabbli li jgħixu magħhom.

Dan apparti wkoll r-rata għolja ta’ ttestjar għall-virus fejn ir-rata ta’ pajjiżna tlaħħaq tliet darbiet iżjed mill-medja Ewropea u tnejn u għoxrin darba iżjed minn dak rakkomandant mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

Fl-aħħar laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku Soċjalim l-MCESD, il-Gvern ħabbar ukoll il-ftuħ ta’ żewġ ċentri oħra għall-ittestjar tal-virus, wieħed f’Ħal Qormi u ieħor f’Burmarrad.

Iżda għal dan kollu, Arnold Cassola, temm l-artiklu tiegħu billi kiteb li qed jistenna azzjoni immedjata.

Mhux l-ewwel darba li l-Prim Ministru Robert Abela għadda minn inkjesta.

F’April illi għadda, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, l-avukat Pawlu Borg Olivier kienu iffirmaw denunzji għall-għaqda Repubblika, u akkużaw lill-Prim Ministru u lill-armata bi qtil tal-immigranti.

Akkuża li kienet iġorr magħha piena ta’ għomor il-ħabs.

L-inkjesta Maġisterjali kienet ikkonkludiet li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi ma kienu involuti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti irregolari.

Dan filwaqt li s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 ma wettqu ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti.

L-Inkjesta Maġisterjali li saret wara l-allegazzjonijiet fost oħrajn, ta’ Jason Azzopardi, ġabet fix-xejn l-allegazzjonijiet ta’ qtil volontarju ta’ immigranti.

L-inkjesta kienet ġiet ippubblikata fl-intier tagħha.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

2 Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend