Il-Pulizija arrestat raġel ta’ 54 sena mis-Swieqi u raġel ta’ 26 mill-Mosta wara operazzjoni b’rabta ma’ qabda ta’ sigaretti tal-kuntrabandu.
L-operazzjoni fis-Swieqi bdiet għall-ħabta tal-ħamsa tal-Ħamis filgħaxija.
Kelliem għall-Pulizija qal li kollox beda minn rapport ta’ serq ta’ pakketti ta’ sigaretti minn maħżen fix-xatt tal-Belt, serq li kien ilu għaddej għal diversi jiem.
Minnufih il-Pulizija bdiet b’operazzjoni bejn ir-Reati Maġġuri u d-Distrett tal-Belt u d-Dwana Maltija fi Triq il-Qatta fis-Swieqi fejn kienu qed jinżammu s-sigaretti.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News instabu tlettax-il kaxxa li kien fihom 50 grossa. Kien hemm madwar 6,490-il pakkett bi kważi 130,000 sigarett.
L-Investigazzjonijiet għadhom għadejjin u mhux eskluż li kien hemm iktar sigaretti maħżuna jew misruqa.