Sejra l-Armenja tistudja ħalli tibqa’ tkun vuċi għaż-żgħażagħ – One News

Notifiki

Sejra l-Armenja tistudja ħalli tibqa’ tkun vuċi għaż-żgħażagħ

Din hija Elena Attard, żagħżugħa Għawdxija ta’ sbatax-il sena li fi ftit tal-jiem oħra se tmur l-Armenja sabiex tkompli bl-istudji tagħha fil-Politika Globali, flimkien mal-Filosofija.

Fil-jum internazzjonali taż-żgħażagħ, Elena qalet ma’ ONE News kif hija bdiet tinvolvi ruħha fl-attiviżmu żagħżugħ meta fis-sekondarja kienet imħeġġa mill-għalliema tagħha.

Hija stqarret: “L-iskola dejjem kellna bosta opportunitajiet li aħna stajna nieħdu sehem fihom u l-head mistress flimkien ma’ xi għalliema oħra dejjem kienu jħeġġuna biex nieħdu l-inizjattivi u ma’ niddejqux għax huwa ta’ ġid għalina. Dejjem għalmuna biex nagħtu importanza kif l-iskola mhumiex biss il-marki u l-akkademja.”

Tul is-sekondarja, Elena kienet parti mill-kunsill tal-istudenti tal-iskola sekondarja, iżda hija ma waqfitx hemm. Elena bdiet tieħu sehem f’attivitajiet barra mill-iskola fosthom dik tal-Model European Parliament, fejn l-Aġenzija Żgħażagħ tagħżel studenti minn pajjiżna sabiex imbagħad jirrapreżentaw lill-pajjiżna f’simulazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Elena kompliet tgħid: “Dejjem inkunu qegħdin f’ambjent sigur, fejn aħna ħa nitgħallmu, ma niddejqux nagħmlu l-iżbalji u jagħtuna s-sapport meħtieġ biex aħna nsemgħu leħilna u nirrealizzaw kemm aħna ta’ importanza fis-soċjetà ta’ għada u kif ukoll tal-lum.”

Elena qalet magħna kif hija xtaqet issir tabiba, iżda ntebħet li din ma kinitx l-aħjar triq għaliha. Iżda l-ambizzjoni biex tistudja iżjed ma telqitx u hija ġiet magħżula wara li applikat għal borża ta’ studju offruta mill-United World College Malta, iżda hija qatt ma bassret li se tmur tistudja barra. Elena qalet magħna kif dan il-kors mistenni ilaqqagħha ma’ diversi persuni b’kulturi differenti.

Hija saħqet: “Ilaqqa’ żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha sabiex jitkellmu bejnithom u jikkomunikaw ħalli ‘l quddiem ma jkunx hemm daqshekk ġlied u aħna nkunu nistgħu nifmhu d-dinja mhux minn perspettiva tagħna ta’ Malta ta’ gżira żgħira, imma wkoll il-perspettiva tal-Asja jew inkella tal-Afrikani.”

Elena qalet li minkejja li jkollhom l-impenji, iż-żgħażagħ huma ġenerazzjoni li jimpurtahom minn dak li qed jiġri madwarhom.

“Imma ma jfissirx li imbilli għandna miljun ħaġa oħra għaddejja f’ħajjitna, aħna ma nagħtux każ, pajjiżna u barra minn pajjiżna. Ħafna miż-żgħażagħ anzi jieħdu iżjed sehem”, sostniet Elena.

Intant, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima nedew ktejjeb minn Aġenzija Żgħażagħ.

Din il-pubblikazzjoni tagħti ħarsa lejn it-talenti, l-ħiliet u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ Għawdxin waqt il-pandemija Covid-19.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend