Velenu fl-ilsien… – One News

Notifiki

Velenu fl-ilsien…

Smajtuha żgur din il-frażi. Meta tkun għadek żgħir tistaqsi lilek innifsek dawn x’inhuma jgħidu?! Meta tibda tifarfar ftit, malajr tibda tinduna x’kienu jridu jfissru biha. Donnu qiegħda fin-natural tal-bniedem li bi lsienu jrid jgħaddi kumment fuq ħaddieħor, fuq suġġett jew ieħor biex bħal speċi jkun ta s-sehem tiegħu. L-isfortuna hi li dan is-sehem ma jagħmel ġid xejn.

Kemm lill-persuna indirizzata kif ukoll lilek innifsek. Aħseb ftit, tħossok tajjeb meta tgħaddi xi kelmtejn bla xinxilli fuq ħaddieħor? Jekk tħossok tajjeb, għandek bżonn tħares ħarsa madwarek u tibda tifhem ftit aħjar il-ħajja. Niftakru li ħadd mhu perfett. Niftakru li aħna wkoll ġieli rritajna lil xi ħadd anke jekk bla ebda skop. Niftakru li lkoll għandna difetti. Niftakru li bħal ma ngħidu fuq oħrajn, ser jgħidu fuqna. Jekk tagħmilha biex tiġi pari, qatt mhu se jirnexxielek għax botta wara l-oħra tibqa’ għaddej, apparti li kelma tgħidha minn wara dak li jkun kemm trid, xorta tasal. Imbagħad f’pajjiżna?

Qed ngħid dan mhux biex inċekken l-intelliġenza tal-poplu tagħna. Anqas jinteressani l-argument li ‘mhux aħna biss nagħmlu hekk, għax id-dinja kollha hekk’. Jinteressani biss li l-poplu tagħna narah jikber u jimmatura. Il-midja soċjali speċjalment ‘facebook’ tat is-saħħa lil kulħadd biex jikteb li jħoss. Hemm l-iżvantaġġi u l-vantaġġi bħal kull ħaġa oħra. Kieku nitgħallmu noħolqu mewġa pożittiva ta’ kliem sabiħ u tifħir, lanqas biss nsitgħu nimmaġinaw x’effett tajjeb ikollha fuqna, inkluż is-saħħa mentali tagħna.

Ma ninsewx ukoll li hemm min il-velenu jerfgħu għal meta l-kamp oppost ikun fil-Gvern. Bħal donnu biex jgħin ħalli jtappan il-Gvern li ma jappoġġjax apposta. Mhux qed ngħid u qatt mhu ser ngħid, li l-Gvern ikun min ikun imexxieh, jagħmel kollox sew. Ħadd mhu infallibbli. Imma qisu l-Gvern Laburista għal xi wħud ħażin biss jagħmel? Possibbli ma sar xejn tajjeb? Possibbli ma gawdejtx minn xi miżura li saret tul is-snin li ilu fil-Gvern, il-Partit Laburista, int li l-hena tiegħek tikkritika u titfa’ l-velenu ħalli tieħu pjaċir tara lil sħabek ifaqqgħulek ‘like’? Possibbli għajnejk ma jarawx ċar is-sabiħ ukoll bħalma jaraw l-ikraħ? Possibbli??!! Diffiċli ħafna din il-mistoqsija qisha għal xi wħud! Titwieġeb biss meta forsi l-partit tagħhom ikun fil-Gvern… hemmhekk f’daqqa waħda l-maltemp jieqaf, is-sema jitneħħilha kull sħaba, it-toroq isiru tad-deheb… kollox isir perfett. Ma nafx hux tad-daħq jew tal-biki! Mur ifhem!

Ta’ QabelLi Jmiss
Clifford huwa ggradwat fl-Istorja ta' Malta kif ukoll b'Masters fl-istudju Barokk. Serva wkoll bħala ġurnalist fil-kamra tal-aħbarijiet ta' ONE u pproduċa u ppreżenta diversi programmi f'dan l-stazzjoni; l-aktar b'tema kulturali u storika. Ippubblika wkoll ktieb bl-istorja tiegħu dwar 'addiction' fejn bħalissa beda wkoll l-istudju għall-PHD fuq dan is-suġġett

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *