Jason Azzopardi jtella’ partitarju Nazzjonalist ta’ Delia l-Qorti – One News

Notifiki

Jason Azzopardi jtella’ partitarju Nazzjonalist ta’ Delia l-Qorti

John Borg ta’ 45 sena, magħruf bħala l-‘Paddy’, tressaq il-Qorti u ġie akkużat li fis-sigħat bikrin tal-24 ta’ Lulju li għadda, barra d-Dar Ċentrali ħebb u hedded lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Il-każ seħħ wara waħda mill-laqgħat tal-eżekuttiv, li fiha d-deputati ribelli waslu lil Adrian Delia sabiex imur jieħu vot mill-kunsilliera.

Jason Azzopardi qed jallega li dan il-partitarju ħebb għalih hu u ħiereġ mid-Dar Ċentrali.

Wara din il-kommossjoni barra d-Dar Ċentrali, kien Jason Azzopardi li mar jagħmel rapport lill-pulizija fil-konfront ta’ Borg, partitarju mill-istess partit tiegħu.

Il-Qorti Jason Azzopardi kien akkumpanjat minn Tonio Zampa, persuna qrib l-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt, u serva bħala security għal Jason Azzopardi.

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, Jason Azzopard xehed li meta ħareġ mid-Dar Ċentrali wara l-laqgħa tal-eżekuttiv Nazzjonalista, raġel bi flok aħdar li ma kienx jafu qallu, “Aħdar int, m’hawnx min hu aħdar daqshekk.”

Jason Azzopardi xehed li l-kelma aħdar hu ma jużahiex u hija kelma vera iebsa għalih. Xehed li ma kienx jaf li dan ir-raġel uża dan il-kliem għalih.

Fil-fatt Jason Azzopardi xehed li lil dan ir-raġel staqsih “Int lili qed tgħid?”

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Paddy wieġbu “Iva għalik!”

Jason Azzopardi xehed li ġie mhedded minn Borg meta qallu “Issa tarah wiċċ Alla Jason.”

Azzopardi qal li ġie mhedded ukoll għax qallu “Niltaqgħu jien u int Jason.”

Jason Azzopardi qal lill-Maġistrat li hu ma jridx li John Borg imur il-ħabs, minkejja li ressaq rapport fil-konfront ta’ dan il-partitarju Nazzjonalista.

Għal John Borg deher l-avukat Mario Mifsud fejn dan tal-aħħaq staqsa lil Azzopardi jekk lill-klijent tiegħu qattx rah id-Dar Ċentrali.

Jason Azzopardi baqa’ jsostni li le.

Jason Azzopardi kien assistit mill-avukat Kris Busietta, l-avukat fid-ditta legali tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *