Schiavone lest li jċedi s-siġġu lil Bernard Grech – One News

Notifiki

Schiavone lest li jċedi s-siġġu lil Bernard Grech

Id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone lest li jagħti s-siġġu parlamentari tiegħu lil Bernard Grech jekk jirbaħ lil Adrian Delia, u jiġi elett Kap Nazzjonalista floku.

Minħabba li Bernard Grech qatt ma kkontesta elezzjoni ġenerali, kien se jkollu problema kif se jakkwista siġġu parlamentari jekk isir Kap Nazzjonalista, biex imbagħad ikun jista’ jsir Kap tal-Oppożizzjoni.

Mal-ġurnal Independent, Hermann Schiavone qal li huwa lest li jċedilu siġġu parlamentari tiegħu.

Tliet snin ilu Hermann Schiavone kien ikkampanja qatigħ sabiex Adrian Delia jiġi elett Kap Nazzjonalista. Kien ikun miegħu kullimkien u kien meqjusa bħala persuna ta’ fiduċja u leali lejn Delia. Fil-fatt hu magħruf li Schiavone mexxa l-kampanja ta’ Delia.

Hermann Schiavone issa dar kontra Adrian Delia u qed ikun meqjus bħala traditur hekk kif tradixxa lil Delia, mar mal-fazzjoni ta’ kontrih u sfiduċjah erba’ darbiet, bħalma għamlet Kristy Debono.

Fl-elfejn u sbatax, minkejja li kien biċċa waħda ma’ Delia, Hermann Schiavone ma ċediex is-siġġu tiegħu lil Adrian Delia, iżda issa għal xi raġuni lest li jċedi s-siġġu lil Bernard Grech.

Intant sorsi li tkellmu mal-Malta Today qalu li mhux Hermann Schiavone se jkun qed iċedi s-siġġu lil Bernard Grech iżda deputat ieħor li qed jinżamm sigriet mid-deputat tal-fazzjoni ta’ Simon. Busuttil.

B’rabta ma’ dan, it-Times irrapporta li se jkun id-deputat Ivan Bartolo li se jagħti s-siġġu lil Bernard Grech.

L-Independent tkellmet ukoll mad-deputat Mario De Marco li qal li s-siġġu parlamentari mhuwiex tiegħu, minkejja li indika li m’għandu l-ebda interess li jagħti s-siġġu tiegħu lil Bernard Grech.

“Ġejt elett mill-kostitwenti tal-ewwel distrett biex nirrappreżentahom f’din il-leġiżlatura” qal Mario De Marco.

Id-deputati Stephen Spiteri indika wkoll li mhux lest iċedi s-siġġu parlamentari tiegħu. Mal-Independent qal li hemm numru ta’ deputati li huma lesti li joffru s-siġġu parlamentari tagħhom.

Mal-Independent, id-deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Claudette Buttigieg qalu li d-deċiżjoni diġà ttieħdet dwar min se jċedi s-siġġu iżda ma elaborawx dwar min se jċedi s-siġġu liż-żiemel tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, kemm il-darba jkun elett.

Dan filwaqt li d-deputat Karl Gouder qal li għandna nistennew sakemm naslu hemm, jiġifieri sakemm Bernard Grech jiġi elett Kap Nazzjonalista.

Meta Adrian Delia ġie bżonn xi ħadd iċedilu s-siġġu, kien Jean Pierre Debono li finalment ċedielu biex il-Kap jidħol fil-Parlament.

Tliet snin ilu, għalkemm Delia kien qal li mhux se jsib problemi biex jidħol fil-Parlament, l-affarijiet kienu twalu ftit u finalment kien Debono li ssagrifika kollox.

Ftit tal-jiem ilu, l-eks Kunsillier Nazzjonalista u esponent ewlieni mill-fazzjoni Delia, André Grech żvela li meta Jean Pierre Debono kien ċeda s-siġġu parlamentari tiegħu biex il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jkun jista’ jidħol fil-Parlament, sar attentat biex Adrian Delia ma jsirx deputat parlamentari u Kap tal-Oppożizzjoni.

“Wara li ċedielu s-siġġu Jean Pierre Debono, membru parlamentari qam bilwieqfa u qal ‘nixtieq vot sigriet jekk għandux jieħu s-siġġu l-kap tal-partit”, kien qal Grech.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend