Riedet lil Metsola jew Comodini Cachia fit-tmun tal-PN – One News

Notifiki

Riedet lil Metsola jew Comodini Cachia fit-tmun tal-PN

Filwaqt li Bernard Grech issa huwa l-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, fost din il-fazzjoni kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar iż-żiemel li kellhom jippreżentaw għat-tellieqa ma’ Delia.

Il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil webblet direttament jew indirettament lill-membri tal-Kunsill Ġenerali Nazzjonalista li se jagħtuhom għażla bejn sett ta’ kandidati iżda finalment preżentaw biss lil Bernard Grech għal kontra Delia.

Minkejja dan, il-fazzjoni ta’ Busuttil kien maqsuma wkoll dwar il-kandidat li jkellu jintefa’ fl-arena kontra Delia.

Fost l-ismijiet l-oħra kien hemm Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia, b’din tal-aħħar saritilha pressjoni qawwija biex ma toħroġx.

L-eks Kap Simon Busuttil ukoll ma kienx kuntent mal-ewwel bl-għażla ta’ Bernard Grech u l-Ħadd is-sieħba tiegħu, Kristina Chetcuti kitbet artiklu fuq is-Sunday Times.

Kristina Chetcuti, dawret l-artiklu li trid aktar nisa fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista iżda mbagħad ma ddejqitx tikteb eloġju fuq Comodini Cachia u Metsola u li trid lil xi ħadd minnhom fit-tmexxija tal-Partit.

“Mhux qed ngħid li għandha tiġi eletta kwalunkwe mara. Qed nikteb hekk għax naf li l-Partit Nazzjonalista b’Metsola u Comodini Cachia għandu żewġ nisa kompetenti.”

Kitbet kif Comodini Cachia kitbet l-istorja meta fil-parlament ħadet pass kuraġġuż u sfidat lil Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Konxja li se tispiċċa fuq l-aħbarijiet, Kristina Chetcuti laqgħet għal u qalet li ONE News se jagħmel storja kif Simon Busuttil irid iwassal messaġġ billi juża lis-sieħba tiegħu.

Hawn hekk użat kliem is-sieħeb tagħha, Simon Busuttil li kien qal li fil-Partit Nazzjonalista ma jeżistux il-fazzjonijiet.

Meta kien mistoqsi: “Naħseb konxju li hemm l-fazzjoni ta’ Simon u Delia?”

Simon Busuttil wieġeb: “Ma teżistiex.”

Meta reġa’ kien mistoqsi: “Jiġifieri m’hemmx firda, qed tgħid?”

Simon Busuttil sostna: “Assolutament!”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend