Membri fil-Partit Nazzjonalista jgħidu li m’hemmx għażla għall-Kap – One News

Notifiki

Membri fil-Partit Nazzjonalista jgħidu li m’hemmx għażla għall-Kap

“Għal darba oħra, fi spazju ta’ tliet snin, se jkollna nagħżlu bejn xi ħadd li ma nafuhx u xi ħadd li ma konniex nafu u li ddiżappuntana bil-kbir.”

Hekk stqarr membru tal-Partit Nazzjonalista dwar it-tiġrija għall-Kap Nazzjonalista bejn Adrian Delia u ż-żiemel tal-fazzjoni li sfiduċjawh, Bernard Grech. Dan kien wieħed mill-kummenti li ġew ippublikati f’artiklu f’The Sunday Times.

Il-Membri tal-Partit Nazzjonalista li tkellmu bil-kundizzjoni li jibqgħu anonomi wrew id-diżappunt tagħhom għan-nuqqas ta’ għażla li għandhom biex jagħżlu l-Kap. Dan għaliex qed ikunu mġiegħla jagħżlu bejn Adrian Delia, li sa tliet snin ilu kien wiċċ ġdid fil-politika u ġab biss diżappunti għall-partit, u Bernard Grech li hu wkoll huwa wiċċ ġdid fil-politika. Saħansitra wieħed mill-membri stqarr: “Kważi qisek qed tgħidilna nagħżlu l-aħjar minn tnejn ħżiena.”

L-artiklu jkompli jgħid kif Bernard Grech daħal fix-xena f’dawn l-aħħar tliet snin u beda jingħata il-ħin jitkellem fuq programmi fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista u saħansitra ngħata l-opportunità jitkellem f’isem il-Partit Nazzjonalista fi programmi fuq l-istazzjon nazzjonali. Madankollu, l-membri huma inkwetati hekk kif Bernard Grech huwa wkoll persuna ġdida għax-xena politika u qatt m’affaċċja test elettorali.

Membru ieħor stqarr li Grech huwa ultra-konservattiv iżda jrid jipprova jintgħoġob mal-25 fil-mija votanti Nazzjonalisti li jħaddnu ideoloġija liberali. Dan filwaqt li fuq in-naħa l-oħra għandek lil Delia li huwa konservattiv u populist iżda li diġà falla.

Membru mara tal-Partit Nazzjonalista wriet id-diżappunt tagħha li t-talent feminilli fil-Partit Nazzjonalista ngħata l-ġenb hekk kif Therese Comodini Cachia u Roberta Metsola ma tħallewx jikkontestaw mill-fazzjoni li sfiduċjat lil Kap attwali Adrian Delia.

Min-naħa l-oħra, membru li jappoġġja lil Adrian Delia stqarr li dan mhux żmien li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jidħol f’tellieqa oħra għal Kap wara biss tliet snin. Saħansitra stqarr li kieku Bernard Grech kien intelliġenti kien jitlaq mit-tellieqa u ma jikkontestax.

L-artiklu temm jgħid li Bernard Grech irrifjuta li jikkummenta dwar dawn il-ħsibijiet ta’ membri tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li d-deputati li sfiduċjaw lill-kap qalu biss li issa iridu jħallu l-proċess elettorali jieħu l-kors tiegħu.

Madankollu, jidher li din hija biss illużjoni li jridu juru ‘l bogħod mir-realtà. Dan hekk kif il-gazzetta KullĦadd irraportat kif ta’ Delia qed ikunu mwissija mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li l-attakki kontra l-Kap attwali mhux ser jieqfu hawn u għad fadal ħafna stejjer x’joħorġu jekk u kemm-il darba Adrian Delia jirnexxielu jgħaddi mill-eżerċizzju ta’ diliġenza.

“Diġà qed jgħidulna lestu ruħkom, il-kbir għadu ġej: ”Stqarr wieħed qrib Delia għall-fazzjoni Busuttil li mhux ser tieħu ċansijiet din id-darba wara d-disfatta li ġarbet tliet snin ilu, meta Delia ssorprenda kontra l-istabilit tal-fazzjoni, id-deputat Chris Said.

Madankollu l-istess membru, stqarr mal-gazzetta KullĦadd, li dawk li qed jappoġjaw lil Delia mhux ser iħalluhom b’xejn lid-deputati li sfiduċjawh u saħansitra ser ikunu qed jattakawom bil-gidba ta’ Jason Azzopardi li ħalef li qatt ma’ ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech. Ħalfa li ma tantx damet trendi wara li ritratt li jurih jitbissem ma’ Yorgen Fenech f’festin kixiflu għawwaru.

L-artiklu jtemm jinnota li l-għażla ta’ Kap ġdid mhux ser tkun it-tmiem tal-ġlieda u l-battibekki fil-Partit Nazzjonalista hekk kif jekk jinħatar Bernard Grech kap tal-Partit xi ħadd ikun irid iwarrab mill-Parlament sabiex Grech ikun jista’ jsir kap tal-oppożizzjoni. U għalkemm il-fazzjoni tal-eks kap Nazzjonalista jistgħu jippruvaw jimbuttaw lil Delia stess ‘il barra mill-Parlament, żgur li Delia ser ikun f’pożizzjoni li joffri ġlieda tajba biex jibqa’ jħaddan miegħu is-siġġu parlamentari.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend