Kapitlu ġdid f’Malta wara sentejn Londra tistenna biex tagħmel trapjant tal-fwied – One News

Notifiki

Kapitlu ġdid f’Malta wara sentejn Londra tistenna biex tagħmel trapjant tal-fwied

Kif kont naf li ġejja lura Malta għajnejja mtlew bid-dmugħ. Kienet ġurnata li kont ilni nistenna iżda ma kontx naf hux se tasal.

Dan huwa kliem Christina Schembri ta’ 49 sena, li għadha kif waslet mill-Ingilterra, fejn għamlet intervent għal trapjant tal-fwied. Intervent li fi kliemha, taha tama ġdida għal ħajjitha.

Fl-elfejn u waħda, Christina saret taf li għandha l-kundizzjoni budd chiari. Kundizzjoni rari ħafna fejn id-demm jgħaqad u jimblokka l-vini tal-fwied. B’hekk id-demm ma jkunx jista’ jgħaddi b’mod normali sabiex l-ġisem jiffunzjona kif suppost.

Christina stqarret magħna li din il-kundizzjoni kienet qed taffettwaha fl-aktar modi sempliċi li anqas hi stess ma kienet toħlomhom.

Hija qalet: “Ma tkunx tista’ tieħu mediċini, jekk tkun muġgħuha tissaporti, tipprova tevita li tieħu rjieħat, fejn ikun hemm mard ma tersaqx, għejja kienet taffettwani ħafna u cramps ġieli anqas kont inkun nista’ norqod”.

Tmintax-il sena wara, telgħet l-Ingilterra, u bdeit tfitxija għal donatur tal-fwied li kellha ddum aktar minn sentejn.

Mal-aħbar li t-trapjant se jkun jista’ jsir, Schembri tenniet li kellha emozzjonijiet mħallta hekk kif dan it-trapjant seta’ kien ta’ tama ġdida għaliha, iżda, xorta kellha dubju.

Hija kompliet tgħidilna: “Filgħodu kont dħalt u qaluli li hemm opportunità ta’ fwied li jista’ jkun tajjeb u għamilt lejl hemmhekk imma sfortunatament ma kienx tajjeb. Fis-sebgħa ta’ filgħaxija dakinhar stess bagħtu għalija għax kien hemm opportunità ta’ fwied ieħor u kont lucky li kien jaqbel.”

Kmieni l-Ħadd filgħodu waslet lura Malta entużjasta għal kapitlu ġdid. Christina qaltilna: “Kif eżattament mhux meta wasalt Malta kif tlajt l-ajruplan u kont naf li ġejja hawnhekk għajnejja kienu l-ħin kollu għaddejjin bid-dmugħ. Ġurnata li kont ilni nistenna u ma nafx jekk hux ħa tasal jiġifieri. Għal grazzja t’Alla għadda kollox u llum l-ewwel ġurnata li għaddejja hawnhekk.”

B’emozzjoni kbira qaltilna li sabet wens kbir mingħand Puttinu Cares  u l-Malta Community Chest Fund, kif ukoll is-sorijiet Frangiskani fl-Ingilterra.

Hawn appellat għal aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni, għaliex minkejja li hija rari ħafna, il-pazjent jista’ jieħu l-aħjar għajnuna professjonali jekk jirnexxielu jsir jaf biha minn kmieni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *