“Inħarsu ’l quddiem għas-sena d-dieħla biex niċċelebraw id-doppju” – Il-President tal-Għaqda Mużikali San Gejtanu – One News

Notifiki

“Inħarsu ’l quddiem għas-sena d-dieħla biex niċċelebraw id-doppju” – Il-President tal-Għaqda Mużikali San Gejtanu

Id-dilettanti tal-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun iċċelebraw dan il-jum tan mistenni b’mod differenti hekk kif fit-toroq Ħamruniżi spikkaw il-kwiet u l-ġabra meta s-soltu f’dan il-jum, jimtlew bi briju u atmosfera mill-isbaħ.

Iżda minkejja dan il-Ħamruniżi xorta ħasbu biex iżommu l-ispirtu ta’ din il-festa ħaj anke din is-sena, u għalhekk, bi qbil bejn iż-żewġ baned, parti mill-flus li kieku ntużaw għall-festa se jingħataw f’donazzjoni lid-Dar tal-Providenza.

Il-President tal-għaqda mużikali San Gejtanu Nigel Vella ddeskriva d-differenza kbira li ħassu l-membri bejn it-tfakkira tal-festa din is-sena u ċ-ċelebrazzjonijiet li l-Ħamruniżi huma mdorrijin bihom.

Is-Sur Vella stqarr: “Kieku bħalissa għaddejjin żgur, kieku daqqa nimbuttaw xi ħaġa, nagħtu drinks lill-bandisti minħabba s-sħana daqqa minħabba n-nies fir-rassa imma kollox irid ikun nħarsu ‘l quddiem issa jekk Alla jrid għas-sena d-dieħla biex niċċelebraw doppjament.”

Dan kien sentiment li qasmitu magħna wkoll Ruth Portelli, membru ieħot tal-għaqda. Hija qaltilna: “Jiena għalija l-ġurnata tal-festa daqs kemm hija mportanti għalija l-familja għax aħna hawnhekk qed ngħixu bħala familja u allura meta tasal il-festa, ġimgħa bħal din tkun ilek għaddejja taħdem għaliha u tispiċċa b’dan il-mod hija dispjaċir u għafsa ta’ qalb.”

Tania Agius Borg, l-Assistent Segretarju tal-għaqda, spjegat ukoll li l-għaqda xorta ħasbet biex anke persuni barra l-lokalità jgawdu l-ispirtu ta’ San Gejtanu, grazzi għal programm li tħejja apposta għall-midja soċjali.

Hija sostniet: “Allura n-nies spiċċat il-programm bdiet tagħmlu hi, doqqilna din għamlilna din ħa niftakru f’din u skoprejna wkoll li ltaqgħu familji permezz tal-live tagħna, messaġġi mill-Awstralja, mill-Kanada u mill-UK jiġifieri rnexxielna nġibu dawn in-nies għal festa tagħna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend