Il-produtturi tal-akwakultura qed iħarsu l-baħar Malti – One News

Notifiki

Il-produtturi tal-akwakultura qed iħarsu l-baħar Malti

Dan huwa t-tielet sajf illi permezz ta’ ftehim, il-membri tal-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura jieħdu ħsieb illi l-baħar Malti ma jkunx imiġġes kawża tal-operat tal-akwakultura.

Il-Kap Eżekuttiv għall-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura, Dr Charlon Gouder qal: “Dak li kkomettew ruħhom illi jagħmlu taħt l-awspiċi ta’ din il-federazzjoni huwa lil hinn u oltre minn dawk li jitolbuhom kwalunkwe permess ambjentali ieħor.”

Dr Gouder, qal illi trid tkun l-industrija stess, li tiddependi mill-baħar li jdawwar il-gżejjer Maltin, li tieħu ħsieb l-ambjent li minnu jaqilgħu l-għixien.

Huwa żied li l-aħħar tliet snin kienu snin li fihom il-federazzjoni tgħallmet sabiex iżżomm l-ambjent tal-baħar nadif. Apparti li l-gaġġeġ ttieħdu aktar ‘il bogħod mill-kosta Maltija filwaqt li ġie insatallat ilqugħ madwarhom li jiflaħ għall-elementi kiefra tal-baħar, isir moniteraġġ ieħor.

“Għandek patrols ta’ dgħajjes illi għaddejjin kemm madwar l-istess żoni tal-akwakultura, imma wkoll tilgħin u niżlin max-xtajta tagħna, ħalli kwalunkwe ta’ inkonvinjent li nsibu fil-baħar; plastik u affarijiet oħrajn inkunu nistgħu wkoll nagħmlu l-parti tagħna u niġburhom flimkien ma’ moniteraġġ kontinwu tramite persuni li huma persuni indipendenti li jkunu jistgħu jirrapportaw lura lil din il-federazzjoni dak li jkun għaddej”, sostna Dr Gouder.

Huwa qal illi minkejja li l-istaġun tat-tonn beda u jinsab fl-aqwa tiegħu, l-isforzi li qed isiru għall-ħarsien tal-ambjent huma bla preċedent.

“Qed nieħu pjaċir ninnota li dawn l-isforzi kollha li qegħdin nagħmlu qegħdin jirriżultaw pożittiv għaliex anke l-ilmenti tan-nies naqsu drastikament. Naqsu drastikament għaliex irnexxielna flimkien jew inkella qegħdin nipprovaw nindirizzaw din l-sifida ambjentali”, temm jgħid Dr Gouder.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *