Salvu Dalli se jitressaq il-qorti akkużat bil-qtil ta’ ibnu – One News

Notifiki

Salvu Dalli se jitressaq il-qorti akkużat bil-qtil ta’ ibnu

Salvu Dalli li allegatament qatel lit-tifel tiegħu Antoine Dalli lbieraħ f’dar Ħal Għaxaq ser ikun qed jitressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ ibnu fis-13:30.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Pulizija hekk kif ġie spjegat li bħalissa l-Pulizija qed tkellem lill-allegat qattiel.

Waqt il-konferenza l-Pulizija spjegat li lbieraħ kien Salvu Dalli stess li fetaħ lill-Pulizija li waslu l-ewwel fuq il-post wara li żewġ telefonati differenti rrappurtaw argument u tir fil-viċinanzi.

Dalli indika wkoll lill-Pulizija fejn kien jinsab ibnu.

Malli daħlet id-dar il-Pulizija nnutat ukoll qtar tad-demm fil-kurutur u barra l-kamra fejn fiha nstab il-vittma. Il-vittma nstab mixħut mal-art fil-kamra tal-banju u huwa ġiet ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tabib tal-emerġenza.

Fil-kamra tas-sodda, fuq is-sodda, instabet ukoll l-arma tan-nar li allegatament intużat u kienet shotgun.

L-awtopsja fuq il-vittma aktar tard ikkonfermat li l-vittma miet b’tir mill-istess arma tan-nar li laqtitu f’nofs żaqqu.

Meta l-kelliem tal-Pulizija kien mistoqsi dwar il-mottiv wara l-argument li allegatament sar bejn il-missier u l-iben ġie spjegat li kollox jindika li dan seta’ seħħ għal raġunijiet personali.

Jidher li dan mhux l-ewwel argument li seħħ fil-familja Dalli. Fil-fatt il-Pulizija kemm-il darba isejħet sabiex tassisti u kemm-il darba anki ħadet passi.

Fi Frar li għadda Salvu Dalli kien ngħata sentenza sospiża wara li prova jweġġa’ gravi lis-sieħba ta’ ibnu.

Salvu Dalli huwa missier ta’ tlett itfal.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend