Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN tinvestiga reklam ta’ Delia – One News

Notifiki

Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN tinvestiga reklam ta’ Delia

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista qed tinvestiga reklam tal-Kap Adrian Delia fuq Facebook u li fih jidher li ntużaw fondi tal-Partit.

Irraporta dan is-sit Newsbook hekk kif fuq Facebook deher messaġġ promozzjonali ta’ Delia u li fih ħabbar il-kandidatura għat-tellieqa tal-Kap.

Is-sit tal-Knisja li jissimpatizza ferm mal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil ppubblika ritratt tar-reklam ta’ Delia u li fih jidhru l-kliem “Paid for by Partit Nazzjonalista.”

Il-Kummissjoni Elettorali qed tinvestiga dan il-każ wara li rċeviet ilment dwar din il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Elettorali kienet approvat regola li fiha kandidati setgħu jibdew il-kampanja elettorali biss wara li jkun sar il-proċess ta’ skrutinju u due diligence mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li n-nies qrib Adrian Delia jinsabu urtati ferm hekk kif kollox jipponta lejn il-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil li ressqet dan l-ilment.

Bin-nies qrib Delia qed jgħidu li d-deputati li sfiduċjawh qed jaqbdu ma’ kull tarf sabiex ixekklu l-Kap milli jerġa’ jikseb it-tmun tal-Partit Nazzjonalista.

In-nomini għat-tellieqa tal-Kap jagħlqu nhar it-Tnejn li ġej madankollu kollox jindika li t-tellieqa ser tkun bejn Adrian Delia u Bernard Grech.

Grech uffiċjalment ħabbar li ser ikun qed jitfa’ ismu għall-kariga ta’ Kap tal-Partit il-Ġimgħa waranofsinhar.

Madankollu din ma waslitx bħala sorpriża hekk kif fl-aħħar jiem deher ċar kif il-fazzjoni Busuttil remiet lil Therese Comodini Cachia, u ntefgħet b’ruħha u ġisimha wara Bernard Grech.

Ġimagħtejn ilu Bernard Grech saħansittra deher jikkonfoffa ma’ Jason Azzopardi fi stabbiliment tax-xorb.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend