Il-Eurovision Song Contest se jivvjaġġa lejn l-Amerka – One News

Notifiki

Il-Eurovision Song Contest se jivvjaġġa lejn l-Amerka

Is-sena d-dieħla mistenni jsir għall-ewwel darba l-American Song Contest li huwa l-verżjoni Amerikana tal-Eurovision Song Contest.

Din il-kompetizzjoni se tkun tikkonsisti minn serje ta’ bejn ħames u għaxar kompetizzjonijiet bejn l-istati Amerikani. Dawk li jikkwalifikaw jerġgħu jikkompetu f’semi finali bit-tama li jirnexxilhom jagħmluha għas-serata finali.

Martin Österdahl, mill-European Broadcasting Union, l-EBU qal li l-fatt li se tittella’ l-verżjoni Amerikana ta’ dan il-konkors juri, li wara 65 sena, il-popolarità ta’ dan il-festival għadha qed tikber. Sostna li wasal iż-żmien li l-Amerka tesperjenza s-sbuħija u l-ispettaklu ta’ dan il-festival għaliex l-imħabba għall-mużika hija universali u tista’ tkun manifestata bi stil differenti filwaqt li tgħaqqad diversi persuni.

Il-produttur tal-American Song Contest Anders Lenhoff qabbel lil dan il-festival mal-Olimpjadi fejn diversi pajjiżi minn madwar id-dinja jikkompetu biex jirbħu l-midalja tad-deheb.

Lenhoff saħaq li dan l-ispettaklu televiżiv huwa miftuħ għal kulħadd kemm għal kantanti stabbiliti u anke ġodda. Jistgħu japplikaw ukoll kantanti li għandhom kuntratt ma’ xi djar tad-diski. Bosta figuri ewlenin fit-tim tal-produzzjoni tal-Eurovision jinsabu fl-organizazzjoni tal-verżjoni Amerikana. Kawża ta l-imxija, il-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena ma sarx iżda ttellgħet serata televiżiva biex tfakkar dan il-festival.

Il-Eurovision mistenni jirritorna f’Mejju ta’ sena oħra f’Rotterdam.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *