BIL-FILMAT: Jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li qatel lil ibnu – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li qatel lil ibnu

Salvu Dalli nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ ibnu, Antoine Dalli li seħħ il-Ġimgħa filgħodu f’Ħal Għaxaq.

Dalli ta’ 68 sena miż-Żurrieq, tressaq il-Qorti s-Sibt waranofsinhar u kien mixli li qatel lill-ibnu Antoine Dalli ta’ 37 sena u li huwa missier ta’ żewġt itfal.

L-anzjan, magħruf aħjar bħala d-‘danger man’, ġie akkużat ukoll li żamm u uża arma tan-nar qrib post abitat.

Id-delitt sar fid-dar ta’ Salvu f’Ħal Għaxaq.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu ma’ One News li l-qtil seħħ wara l qam argument bejn il-missier u l-iben wara li Antoine pprova jieħu l-flus ta’ missieru sabiex jixtri d-droga.

B’reazzjoni għal dan Salvu Dalli allegatament qabad l-arma u spara lil ibnu.

Fil-fatt qabel tressaq il-Qorti, il-Pulizija indirizzat konferenza tal-aħbarijiet fejn spjegat li mill-awtopsja li saret is-Sibt filgħodu ħareġ li Antoine Dalli miet b’tir f’nofs żaqqu.

Kien għal ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu x’ħin il-Pulizija irċeviet żewġ rapporti li possibilment kien hemm argument u ġie sparat tir fi Triq il-Gudja Ħal Għaxaq.

Malli l-Pulizija waslu fuq il-post, kien Salvu stess li fetaħ lill-Pulizija.

Kelliem għall-Pulizija qal: “Il-Pulizija setgħu jinnutaw ukoll fil-kuritur li kien hemm għadira demm u taqtir tad-demm tul il-kuritur kollu sal-kamra tal-banju. Kif daħlu fil-kamra tal-banju l-Pulizija sabu  raġel mitluq aktarx bla ħajja għal daqstant issejħet  l-assistenza medika fuq il-post iżda r-raġel ġie ċċertifikat mejjet mit-tabib tal-emerġenza.”

Il-Pulizija anki sabet is-senter li ntuża f’dan l-omiċidju.

Is-Sur Pisani kompla jispjega: “Il-vittma kif għidna ntlaqt minn tir wieħed fin-naħa tan-nofs ta’ żaqqu u l-arma li allegatament intużat f’dan ir-reat instabet fuq sodda fil-kamra tas-sodda u anke l-arma ġiet elevata mill-Pulizija.”

Kemm il-missier kif ukoll l-iben huma magħrufa sew mal-Pulizija. B’Antoine mhux l-ewwel darba li xellef difrejh mal-ġustizzja fuq droga.

Jidher li dan mhux l-ewwel argument familjari li seħħ fil-familja Dalli.

Fil-fatt l-pulizija kemm-il darba isejħet sabiex tassisti u kemm-il darba ħadet passi.

Fi Frar li għadda Salvu Dalli kien ingħata sentenza sospiża wara li pprova jweġġa’ gravi lis-sieħba ta’ ibnu. Fil-fatt huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti fi Frar li għadda.

Sa xahar ilu, Salvu kien qed jingħata l-kura fl-isptar fosthom l-isptar Monte Karmeli.

Fil-fatt fil-Qorti, id-difiża, minkejja li ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, talbet lid-Direttur tal-ħabs sabiex jagħti l-kura meħtieġa lill-anzjan.

Fl-awla, quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, u fil-preżenza taż-żewġ uliedu l-oħra, l-anzjan deher kalm għall-aħħar.

Wara li ntemmet is-seduata, Salvu li għandu problema ta’ mobilità deher ħiereġ mill-Qorti, mixi bil-mod u jistrieħ fuq bastun tal-injam.

Huwa daħal fil-karozza tal-Pulizija u ġie eskortat lejn il-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.

Għad-difiża dehru l-Avukati Lennox Vella u Marisa Mifsud.

Bħala Parte Ċivile għat-tfal tal-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono u Kathleen Grima.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi Keith Arnaud u Roderick Attard.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend