“Ebda kompromess bejn l-ekonomija u saħħa” – il-PM dwar il-laqgħa mal-imsieħba soċjali – One News

Notifiki

“Ebda kompromess bejn l-ekonomija u saħħa” – il-PM dwar il-laqgħa mal-imsieħba soċjali

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li s-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna tinsab taħt kontroll, u m’hemm l-ebda lok ta’ allarm jew paniku.

Huwa qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, l-għada li laqgħa ta’ sitt sigħat bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD, wasslet għal qbil fuq ħafna punti diskussi.

Il-Prim Ministru qal li l-laqgħa kienet pożittiva ferm, imsejsa fuq djalogu u fi spirtu li jintlaħaq ftehim. Fil-fatt kien hemm kunsens fuq il-miżuri li ġew proposti mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, b’riserva waħda mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija dwar it-tiġijiet.

Dr Abela fakkar li n-numru ta’ infezzjonijiet żdied bħalma żdied f’pajjiżi oħra, imma ma żdiditx ir-rata ta’ każijiet serji fl-isptar.

Qal li bil-miżuri mħabbra fl-aħħar sigħat, intlaħaq bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.

Il-Prim Ministru stqarr, “Ir-riżultati fuq livell tas-saħħa baqgħu eċċellenti kif kienu jiġifieri ma kien hemm ebda kompromess bejn l-ekonomija u s-saħħa u rajna sal-lum il-ġurnata, u dik hija l-viżjoni tagħna ’l quddiem, li nibqgħu nsibu dan il-bilanċ tant importanti bejn is-saħħa u l-ekonomija, bejn li nipproteġu l-ħajjiet u l-għixien tan-nies, the lives and livelihoods.”

Robert Abela nnota li mindu reġa fetaħ l-ajruport, kien hawn aktar minn mitejn elf moviment, u mill-baħar, bejn Malta u Sqallija, aktar minn tnejn u għoxrin elf moviment.

Dan kien possibbli għaliex intlaħaq bilanċ bejn il-protezzjoni tas-saħħa tan-nies, u l-qawmien mill-ġdid tal-ekonomija.

Fakkar li fl-aħħar xhur, erba’ mija u ħamsin familja li kienu bla xogħol, sabu impjieg – medja ta’ seba’ familji kuljum li reġgħu sabu xogħol.

Robert Abela qal li r-realtà hi li jista’ jkollna vaċċin fi ftit xhur, u jista’ ma jkollniex, għaldaqstant irid ikollna strateġija sostenibbli f’dik li ddeskriva bħala “maratona li jaf ma tispiċċa qatt”.

Dr Abela saħaq, “Nagħmel dan l-appell għall-kawtela, jiġifieri m’hemmx attitudni tax-xejn mhu xejn. Dik l-attitudni mhix waħda li hija rakkomandata f’dan il-mument, anzi għandna nwarrbuha fil-ġenb. Mill-banda l-oħra, ejja ma mmorrux f’estremitajiet li ngħidu, ġejja katastrofi u traġedja fuq pajjiżna. Mhux il-każ.”

Il-Prim Ministru saħaq li l-paċi industrijali hija kruċjali biex inżommu l-ekonomija ta’ pajjiżna b’saħħitha, bħalma huwa daqstant importanti l-qasam tas-saħħa li ma jiġix ipparalizzat b’azzjonijiet industrijali.

Huwa kellu appell ċar għall-Assoċjazzjoni Medika Maltija.

Il-Prim Ministru sostna “L-Assoċjazzjoni Medika qalet erba’ mass events, aħna għidna b’mod ġenerali, mass events ma jsirux, la llum, la għada u lanqas ’il quddiem sakemm l-affarijiet ma jinbidlux. L-Assoċjazzjoni Medika ma qaltilniex fuq l-ilbies obbligatorju tal-maskri, fuq il-miżuri l-oħrajn. Kienet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u għamilnihom, li laħqet numru ta’ miżuri biex jibbilanċjaw u għaldaqstant nagħmel dan l-appell, ejja naslu fi ftehim u nimxu ’l quddiem.”

Il-Prim Ministru qal li l-unjin tal-infermiera u l-qwiebel – l-MUMN – irtirat minnufih l-azzjonijiet industrijali wara l-laqgħa tal-Ħamis.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qalet li se żżomm id-direttivi, iżda aktar tard il-Ġimgħa, fi stqarrija, ħabbret li mit-Tnejn li ġej, se tissospendi wħud mid-direttivi tagħha.

Il-MAM spjegat li mit-Tnejn li ġej fit-tmienja ta’ filgħodu, se tkompli bl-operazzjonijiet u interventi kirurġiċi, imma se tħalli d-direttivi fid-dipartiment tal-outpatients.

Fl-istqarrija, il-MAM irrikonoxxiet li l-Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa għarfu l-bżonn ta’ miżuri ġodda paripassu ma’ kif qed tiżviluppa l-pandemija f’pajjiżna.

Il-MAM qalet li se tkun qed issegwi mill-qrib l-infurzar u l-effetti li se jħallu dawn il-miżuri, qabel ma tissospendi d-direttivi fid-dipartiment tal-outpatients.

Dan anki jekk qalet li qed tieħu dawn id-deċiżjonijiet b’risq is-saħħa tal-pazjenti.

Intant, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, qal li l-miżuri ġodda huma msejsa fuq evidenza miksuba minn tliet punti ewlenin.

L-ewwel wieħed huwa l-kunċett tad-distanza soċjali.

Il-Ministru Fearne saħaq, “Il-mod kif il-COVID jittieħed minn persuna għall-oħra, huwa droplet infection, jiġifieri bil-bżieq li ma jwassalx aktar minn żewġ metri u allura jekk tkun ’il bogħod minn persuna oħra sa żewġ metri, ir-riskju li tieħu l-virus huwa żgħir ħafna.”

It-tieni punt li fuqu ġew imsejsa l-miżuri, huwa dak ta’ iżjed testijiet, u biex dan isir, il-ġimgħa d-dieħla se jiżdiedu żewġ ċentri ġodda għall-ittestjar apparti dawk eżistenti f’Ħal Luqa, f’Pembroke, fl-Isptar Mater Dei u fix-Xewkija f’Għawdex.

Il-Ministru stqarr, “Irridu niżolaw lil dawk il-persuni li jkunu pożittivi u allura rridu nagħmlu ħafna aktar testijiet biex insibuhom fi stadju kmieni imbagħad niżolaw lilhom u naraw min kien madwarhom, insibuh, nittestjaw u nżommuhom fi kwarantina wkoll, dak li ngħidulu contact tracing.”

Chris Fearne saħaq li n-nies vulnerabbli jridu jiġu protetti.

Il-Ministru Fearne sostna, “Nieħdu ħsieb lil min hu vulnerabbli għax nafu li dan il-mikrobu jaffettwa lil kulħadd imma l-iżjed konsegwenzi serji jkunu fuq dawk in-nies li diġà għandhom xi mard kroniku ieħor allura ħafna mill-anzjani tagħna u persuni oħra b’mard kroniku li jekk ikollhom fuq il-mard kroniku li għandhom, infezzjoni bil-coronavirus, dawn jaraw sitwazzjoni tiggrava u jkun hemm il-konsegwenzi.”

Kemm il-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru qablu li l-miżuri se jgħinu biex dawn it-tliet punti prinċipali jiġu segwiti u jgħinu s-sitwazzjoni tinżamm taħt kontroll.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend