Comodini Cachia riedet toħroġ għal Kap imma ma ħallewhiex – One News

Notifiki

Comodini Cachia riedet toħroġ għal Kap imma ma ħallewhiex

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia riedet tikkontesta għal Kap Nazzjonalista,  iżda d-deputati sħabha ma riduhiex.

Il-Ħamis il-Business Today irrappurtat li Comodini Cachia se tikkontesta għal Kap Nazzjonalista.

Sorsi qrib id-deputati ribelli qalulna li nħassdu b’din l-aħbar għax kienu ilhom minn nhar is-Sibt jikkonvinċuha sabiex ma tikkontestax għal Kap Nazzjonalista.

X’ħin ħarġet din l-aħbar, l-fazzjoni Busuttil bdew ixerrduha li din hija fake news, bil-għan li jmewtu l-aħbar li Comodini Cachia għadha interessata li tikkontesta.

Sorsi qaluna lil Comodini Cachia kienet irrabjata, li dawk meqjusa bħala sħabha l-ewwel riduha tkun Kap tal-Oppożizzjoni, u issa tant kemm tilfu l-fiduċja fiha li ma riduhiex ittellaq kontra Adrian Delia.

ONE News jinsab infurmat li fix-xena kellu jidħol l-eks segretarju ġenerali Nazzjonalista tat-tmeninijiet Louis Galea.

Fil-fatt wara li ħarġet din l-istorja fuq il-Buisness Today, Louis Galea sejjaħ laqgħa sabiex jipprova jikkonvinċi lil Therese Comodini Cachia biex ma tikkontestax għal Kap.

Is-sorsi tagħna qalulna li Roberta Metsola kienet preżenti għal din il-laqgħa, u anki lilha Louis Galea qalha biex toqgħod pass lura.

Louis Galea qalilhom sabiex jingħaqdu kollha wara Bernard Grech, li se jkun iż-żiemel tal-fazzjoni Busuttil, bil-għan li jitneħħa Delia minn Kap Nazzjonalista.

Fil-fatt għal ħabta tas- sagħtejn ta’ wara nofsinhar tal-Ħamis, Roberta Metsola qalet li mhux se tikkontesta għal Kap Nazzjonalista.

Kien l-Ħamis tard filgħaxija li Therese Comodini Cachia kitbet li mhux se tikkontesta għal Kap Nazzjonalista. Pass li għamlitu kontra qalbha għax sħabha issa remewha.

Wara li Comodini Cachia kitbet li mhux se tikkontesta għal Kap Nazzjonalista, Adrian Delia kiteb li informa lill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista bl-interess tiegħu li jerġa’ joħroġ għal Kap Nazzjonalista.

Anki Mark Anthony Sammut, li kien qed jissemma biex jikkontesta għal Kap Nazzjonalista, irtira mit-tellieqa u ddikjara li mhux se joħroġ għal Kap Nazzjonalista, bil-għan li jwitti t-triq ukoll għal Bernard Grech.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend