Antoine Dalli ta’ sebgħa u tletin sena nqatel wara li allegatament sparalu missieru, Salvu Dalli ta’ 68 sena waqt argument li nqala’ f’residenza f’Ħal Għaxaq.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, meta instemgħu xi tiri f’residenza fi triq il-Gudja Ħal Għaxaq.
Fuq il-post issejjħu immedjatament il-Pulizija tad-distrett u tat-taqsima tar-Rapid Intervention Unit, fejn sabu l-vittma fil-kamra tal-banju.
Il-vittma, missier ta’ żewġt itfal, miet fid-dar stess. Bil-Pulizija tikkonferma li miet b’tir wieħed.
Fuq waslu l-esperti forensiċi u l-ispettur Keith Arnaud mit-taqsima tal-omiċidji li qed jinvestiga dan il-kaz.
Kelliem għall-pulizija qal, “Il-persuna nstabet mejta fil-kamra tal-banju u l-ewwel indikazzjonijet juru li ntużat arma tan-nar. Għad irid jiġi stabbilit x’tip ta’ arma tan-nar hija u jidher li l-persuna mietet b’tir wieħed.”
Missier il-vittma, Salvu Dalli, ġie arrestat fuq il-post filwaqt li l-Pulizija sabet l-arma tad-delitt.
Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello li min-naħa tagħha ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Din mhux l-ewwel darba li Salvu Dalli xellef difrejh mal-ġustizzja.
Fi Frar li għadda huwa kien ingħata sentenza sospiża wara li ħareġ mus għas-sieħba ta’ ibnu.
Huwa kien tressaq il-Qorti akkużat li kellu l-ħsieb li jikkaġuna feriti ta’ natura gravi fuq is-sieħba tat-tifel u li kellu sikkina fil-pussess tiegħu mingħajr ma kellu liċenzja.
Salvu Dalli, kien deher il-Qorti bil-bastun u kien qal lil Maġistrat li hu bilkemm jiflaħ jimxi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-qtil għadhom għaddejjin.