Kiteb isem l-akkużati fuq karta qabel ħaduh l-isptar – One News

Notifiki

Kiteb isem l-akkużati fuq karta qabel ħaduh l-isptar

Vince Gaffarena, wieħed miż-żewġ persuni li ntlaqtu fl-isparatura l-ġimgħa li għaddiet, li fiha tilef ħajtu Saviour Gaffarena, kiteb isem Owen Schembri u Leon Debono, bħala l-persuni li allegatament kienu għadhom kif sparaw f’Ħal Millieri, fil-limiti taż-Żurrieq.

Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif il-Ħamis bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Owen Schembri u Leon Debono, żewġ żgħażagħ ta’ tmintax-il sena minn Ħal Kirkop li qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena u bl-attentat ta’ qtil ta’ kuġinuh Vince Gaffarena.

Fil-Qorti xehdet il-kuntistabbli Sherona Buhagiar li qalet li dakinhar tal-każ kienet xogħol għall-festival tal-logħob pirotekniku fl-Imqabba. Ftit minuti wara l-ħdax ta’ filgħaxija nnutat li waqfet karozza u ħareġ xufier mimli demm.

Ix-xufier kien midrub u talabha karta u biro u huwa kiteb l-ismijiet ta’ Owen Schembri, Leon Debono u Carmel Susella.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, l-ispettur Kurt Zahra qal li meta ġie f’tiegħu Vince Gaffarena qallhom li hu kien għadda għaż-żewġ imputati u kuġinuh u marru dawra bil-karozza.
Meta waslu Ħal Millieri, Owen Schembri beda juri arma lil Saviour Gaffarena u lil Vince Gaffarena u nqala’ argument bejniethom li ma rnexxilux jiftakar fuqxiex.

Intqal li Leon Debono spara tir f’wiċċ Vince Gaffarena u tir ieħor sidru.
Vince Gaffarena qal lil pulizija li ħarab jiġri u fil-karozza ra lil kuġinuh mixħut fuq is-seat ta’ wara mimli demm.

L-ispettur Kurt Zahra qal li jista’ jkun li fil-karozza ntużat xi droga, imma dwar dan se jixhdu l-membri tal-forensika.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia xehed żagħżugħ ta’ 17-il sena li spjega kif dakinhar tad-delitt huwa kien għand it-tfajla tiegħu ż-Żurrieq u mill-aħbarijiet beda jsegwi u għaraf il-karozza ta’ Vince Gaffarena.

Iż-żagħżugħ qal li beda jipprova jikkuntatja lil Owen Schembri u ma bediex iwieġbu iżda ħames minuti wara Schembri ċempillu u talbu jmur sad-dar tiegħu f’Ħal Kirkop.

Xħin wasal Ħal Kirkop, ra lill-akkużati mifxulin u qalulu li xi ħadd spara. Hawnhekk huwa qal li Leon Debono rema’ l-arma mal-art.

Il-pulizija qalet li aktar tard, l-arma nstabet f’siġra tal-bajtar tax-xewk.

Mistoqsi mill-ispettur Keith Arnaud, iż-żagħżugħ qal li l-arma kien raha qabel għax jiftakar li Owen Schembri u Leon Debono kienu marru jisparaw biha fuq il-ġebel, darbtejn qabel.

Qal li dan seħħ propju ġimagħtejn qabel seħħ il-qtil.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend