Il-Pulizija tad-distrett tal-Ħamrun b’rondi u spezzjonijiet matul il-lejl li għadda – One News

Notifiki

Il-Pulizija tad-distrett tal-Ħamrun b’rondi u spezzjonijiet matul il-lejl li għadda

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun issoktaw b’aktar rondi u spezzjonijiet, kemm fil-ġonna pubbliċi, kif ukoll madwar it-toroq fil-Marsa.

Dan qalitu l-Pulizija fi stqarrija hekk kif spjegat li fost oħrajn fil-lejl li għadda anke permezz ta’ għajnuna mill-Pulizija tat-Taqsima tal-Klieb (K9), għamlu spezzjonijiet fi Ġnien Spencer u Belvedere fil-Marsa.
F’dawn l-ispezzjonijiet iż-żewġt iklieb tal-Pulizija sabu xi pakketti żgħar, possibbilment bi traċċi ta’ sustanzi llegali.

Dawn ġew ikkonfiskati mill-Pulizija.

Waqt ronda fi Triq Belt il-Ħażna, ġew innutati wkoll vetturi abbandunati.

Fuqhom twaħħlilhom notifika sabiex is-sidien tagħhom ineħħuhom minħabba l-periklu li qegħdin joħolqu u li jistgħu jkunu lok ta’ abbużi.

Il-Pulizija tkellmu ma’ dawn is-sidien fejn spjegawlhom li l-vetturi jridu jitneħħew minnufih.
Waqt l-ispezzjonijiet fi Triq Belt il-Ħażna u fl-akwati ta’ Triq is-Salib tal-Marsa, twaqqfu ħames persuni li allegatament kienu fl-akwati bi skopijiet ta’ prostituzzjoni u tlajjar.

Il-Pulizija għamlu wkoll spezzjonijiet f’diversi ħwienet madwar il-Marsa, fejn dawk li kienu qegħdin joperaw wara l-ħin stipulat bil-liġi ntalbu sabiex jagħlqu minnufih. Ħwienet oħrajn madwar il-Marsa, li nstabu miftuħin u li kienu konformi mal-liġi, tħallew joperaw.

L-ispezzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett, din id-darba assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, issokktaw f’diversi toroq fil-Ħamrun.

Ġew spezzjonati wkoll ħwienet differenti, fejn dawk li nstabu joperaw barra mill-ħin stipulat bil-liġi ngħalqu. Saret ukoll spezzjoni fi Ġnien Oreste Chircop.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu wkoll numru ta’ kontravenzjonijiet fuq ipparkkjar illegali.

L-Ispettur Matthew Galea, responsabbli mid-Distrett tal-Ħamrun qal li “waqt dawn ir-rondi, il-Pulizija
waqfu jitkellmu mal-membri tal-pubbliku. Ħeġġiġna lin-nies biex jekk ikollhom bżonn xi assistenza, iċemplu l-Għassa tal-Ħamrun għax aħna qegħdin hemm biex ngħinuhom. Il-pubbliku wera l-apprezzament tiegħu lejn il-preżenza tal-pulizija fit-toroq u l-pubbliku anke rringrazzjawhom tax-xogħol li qegħdin iwettqu.”

Ritratti: Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend