Il-President tal-MAM barra jgħid mod u f’Malta jgħid mod ieħor – l-Orizzont – One News

Notifiki

Il-President tal-MAM barra jgħid mod u f’Malta jgħid mod ieħor – l-Orizzont

Il-ġurnal l-Orizzont irrapporta kif il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Dr. Martin Balzan barra l-pajjiż jgħid mod iżda f’Malta qed jgħid mod ieħor dwar is-sitwazzjoni tal-imxija.

Fil-fatt f’ġurnal awtorevoli Olandiż bl-isem ta’ Elsevier, inqas minn ġimagħtejn ilu, il-President tal-unjin tat-tobba ppubblika artiklu bi studju xjentifiku fejn indika li Malta għandha rata ta’ mortalità ta’ 1.5%, li kienet l-anqas osservata mill-pajjiżi u reġjuni kollha li ħares lejhom.

B’kuntrast semma kif fi Sqallija r-rata ta’ mortalità kienet ta’ 8% u fir-reġjun tal-Kalabrija, fl-Italja wkoll, ir-rata hija ta’ 8.4%.

Fl-artiklu tiegħu bit-titlu, ‘Medical Hypothesis’, id-dikjarazzjonijiet ta’ Balzan jikkuntrastaw bil-kbir mad-dikjarazzjonijiet li għamel fl-aħħar jiem fejn fost oħrajn beda jsejjaħ lill-Gvern biex idaħħal mill-ġdid restrizzjonijiet fuq l-attività ekonomika u soċjali f’Malta.

Fit-22 ta’ Lulju li għadda, Balzan semma kif in-nies ta’ Malta u Għawdex għandhom karatteristiċi li jikkontrollaw b’xi mod l-imxija tal-Covid-19.

Saħansitra Balzan jgħid fl-artiklu li minkejja li l-isptarijiet tat-tramuntana tal-Italja huma tal-ogħla livell, kif ukoll kien hemm proċessi mediċi tajbin flimkien ma’ rati għoljin ta’ testijiet għall-virus u intraċċar tal-kuntatti tan-nies infettati, xorta waħda s-sitwazzjoni spiċċat kienet ferm agħar minn reġjunijiet fin-nofsninhar tal-Italja.

L-Orizzont irrapporta li dawn l-istqarrijiet jikkuntrastaw sewwa ma’ dak li jgħid f’pajjiżna, il-President tal-MAM fejn sostna li l-miżuri mediċi huma l-mod kif l-imxija ma laqtitx daqstant lil pajjiżna, tant li issa qed isostni li hemm bżonn miżuri aktar restrittivi.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, fl-istess żmien li kiteb dan l-artiklu fuq ġurnal Olandiż, Balzan kien qiegħed jesprimi b’konvinzjoni li s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna fejn tidħol l-imxja tal-Covid-19 hija waħda inkwetanti u sejjaħ lill-Gvern biex idaħħal mill-ġdid bosta restrizzjonijiet.

Dan kollu imur ukoll kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li ssostni li biex wieħed idaħħal restrizzjonijiet ir-rata ta’ testijiet pożitivi trid tiżboq il-5%.

Ċifri uffiċjali tal-awtoritajiet tas-saħħa juru li f’pajjiżna ilna mis-7 ta’ April li għadda ma jkollna rata ta’ pożittivi li hija ’l fuq minn din il-linja gwida tal-WHO, u bħalissa r-rata qed tkun qrib 1%, jew ħames darbiet anqas.

Intant fil-jum tal-Erbgħa, ċifri uffiċjali tal-awtoritajiet tas-saħħa Maltin urew ukoll kif sa nhar it-Tnejn li għadda kienu biss tliet persuni li ddaħħlu fl-isptar Mater Dei għall-kura minħabba li kienu infettati bil-Coronavirus.

Dan filwaqt li disa’ persuni oħra kienu fl-isptar Boffa u erba’ persuni oħra fl-isptar privat ta’ San Tumas.

Kelliem għall-Ministeru tas-saħħa spjega li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-aħħar pazjenti fi sptarijiet barra Mater Dei ma għandhomx bżonn kura għall-virus fi sptar iżda nżammu hemm għaliex kienu jgħixu ma’ persuni vulnerabbli jew ma jistgħux iżommu distanza soċjali ma’ nies oħra fejn jgħixu.

L-aħħar ċifri mill-awtoritajiet tas-saħħa juru wkoll li fl-aħħar ġimgħat inqas minn persuna għal kull għaxar persuni infettati kien jeħtieġilhom li jirċievu l-kura fi sptar u l-ebda persuna ma nżammet fit-taqsima għall-kura intensiva.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend