Il-politiċi ta’ għada f’laqgħa mal-Prim Ministru – One News

Notifiki

Il-politiċi ta’ għada f’laqgħa mal-Prim Ministru

Jiem wara li l-Partit Laburista fetaħ sejħa ġdida għall-programm LEAD, li għandu l-għan li jimbotta l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, dawk li kienu parti mir-raba’ sejħa ltaqgħu mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’Kastilja. Hawn kellhom iċ-ċans jiddiskutu l-modi kif dan il-programm tahom l-imbottatura li xtaqu biex jagħmlu dan il-pass, u liema kwistjonijiet iħossu li għandhom jiġu diskussi fuq livell ta’ Gvern.

Il-koordinatur tal-programm Miriam Dalli spjegat li l-parteċipanti ressqu bosta temi ‘l quddiem, fosthom aktar għajnuniet lis-settur sportiv, id-drittijiet tal-bniedem, u anke miżuri konkreti marbuta mal-familja.

Hija qalet: “Għalija kienet interessanti ħafna li nara d-diskussjoni bejn il-Prim Ministru u dawn it-tfajliet u nisa li grazzi għal LEAD raw kif jistgħu jagħtu kontribut fil-politika Maltija. L-importanti hu li anke issa fis-sejħa li jmiss, li diġà qed nilqgħu l-applikazzjonijiet għaliha, naraw li jkollna persuni li jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fil-politika Maltija.”

Issa li l-Partit Laburista qed jilqa’ applikanti ġodda għal dan il-programm, Dr Dalli qalet li huwa kruċjali ferm li ħadd minnhom ma jiddejjaq jitkellem dwar suġġetti meqjusa minn ħafna bħala kontroversjali.

Hija kompliet tgħid: “Jekk ma nkunux aħna stess li nisfidaw l-istatus quo u nitkellmu fuq affarijiet li naħsbuhom kontroversjali, fl-opinjoni tiegħi ma jitkellem dwarhom ħadd, u l-affarijiet li aħna nixtiequ li jinbidlu, jibqgħu ma jinbidlux.”

 Il-Prim Ministru Robert Abela wera sodisfazzjon għall-ammont ta’ parteċipanti li LEAD kellu fir-raba’ sejħa tiegħu, u fisser l-importanza ta’ aktar nisa fil-qasam politiku mill-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend