€20,750 għal ħames għaqdiet sportivi Għawdxin li bbenefikaw mill-iskema tal-isports – One News

Notifiki

€20,750 għal ħames għaqdiet sportivi Għawdxin li bbenefikaw mill-iskema tal-isports

F’ċerimonja organizzata mill-Ministeru għal Għawdex, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri l-fondi u l-ftehim lil ħames għaqdiet sportivi li bbenefikaw mill-iskema tal-isports u se jkunu qed iwettqu l-proġetti tagħhom din is-sena.

Filwaqt li ħabbar li għal din is-sena l-Ministeru għal Għawdex ta s-somma ta’ €20,750 lil dawn l-għaqdiet, qal li din hija r-raba’ darba li l-ministeru ħareġ l-iskema tal-isports, li hija mmirata biex tgħin lill-għaqdiet sportivi Għawdxin fit-twettiq ta’ proġetti varji. Clint Camilleri spjega dwar kif l-għajnuna li tingħata lill-għaqdiet sportivi permezz ta’ din l-iskema tvarja minn proġetti li jinkludu xiri ta’ apparat sa attivitajiet sportivi, fost oħrajn.

Għall-iskema ta’ din is-sena applikaw disa’ għaqdiet sportivi u wara evalwazzjoni li saret minn bord maħtur apposta, sitta minn dawn l-għaqdiet li applikaw, laħqu l-kriterji stabbiliti biex ikunu kkunsidrati li jingħataw il-fondi għall-proġetti tagħhom. Għaqda minnhom iddeċidiet li twettaq il-proġett tagħha s-sena d-dieħla, u għalhekk fiċ-ċerimonja ta’ din is-sena ngħata fondi lil ħames għaqdiet.

Dawn huma:
• Għajnsielem Redcoats, li ngħataw is-somma ta’ €5,000 bit-titlu tal-proġett ‘Sizzling fastpitch international tournament’;
• The Scout Association of Xagħra, li ngħataw is-somma ta’ €5,000 bit-titlu tal-proġett ‘Canoeing through Crystal Cear Water’;
• Gozo Cycling Club, li se ngħataw is-somma ta’ €3,950 bit-titlu tal-proġett ‘Gozo Cycling National Race Festival 2020’;
• Athelitx AC, li ngħataw is-somma ta’ €1,800 bit-titlu tal-proġett ‘Triangular League Gozo Leg 2020’;
• SK Victoria Wanderers, li ngħataw is-somma ta’ €5,000 għall-proġett ‘Next Level Football’.

Il-Ministru Clint Camilleri kkowota dak li hemm miktub fil-manifest elettorali, “l-isport huwa ħolqa importanti fil-kwalità tal-ħajja. Irridu li kull tifel u tifla f’pajjiżna jkollhom l-opportunità li jipprattikaw l-isport li jixtiequ. Irridu nrawmu u nsaħħu kultura sportiva sa mill-etajiet bikrin.”

Huwa temm jgħid li l-għan ewlieni tal-Ministeru għal Għawdex huwa li tingħata aktar promozzjoni lill-isport u tkun attirata aktar parteċipazzjoni fl-isport għal ħajja aktar sana.

Ritratti: MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend