Comodini Cachia tirtira mit-tellieqa għal Kap tal-PN wara pressjoni mir-ribelli – One News

Notifiki

Comodini Cachia tirtira mit-tellieqa għal Kap tal-PN wara pressjoni mir-ribelli

Therese Comodini Cachia għadha kif irtirat mit-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista u qalet li mhux se tkun qed tikkontesta fl-elezzjoni.

F’kitba fuq il-profil tagħha fuq facebook, ftit tal-ħin ilu, Comodini Cachia hija spjegat kif ħarġet għonqha u kienet fuq quddiem biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap Nazzjonalista.

Comodini Cachia kkonfermat kif il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil se jkunu wara kandidat wieħed, fejn kollox jindika li se jkun Bernard Grech.

B’hekk il-fazzjoni ta’ Busuttil se tkun f’pożizzjoni aħjar biex tipprova tegħleb lil Delia fost it-tesserati.

Fil-jiem li għaddew Comodini Cachia qalet li hi ġabet l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista u bniet ħafna kastelli fl-arja wara li d-deputati ribelli li sfiduċjaw lil Delia, semmew lilha bħala l-persuna li jridu li tkun Kap tal-Oppożizzjoni.
Fl-aħħar ħarġa tagħha, il-gazzetta Kullħadd irrappurta kif Therese Comodini Cachia qed tħossha bħal-lumija magħsura wara li issa r-ribelli ma jriduhiex.

Sorsi viċin iċ-ċrieki tad-Dar Ċentrali qalulna li Comodini Cachia kienet urtata u ddiżappuntata li r-ribelli ma riduhiex iżjed għax ma jemmnux li għandha ċ-ċans li tirbaħ lil Delia.

Finalment hija kellha ċċedi għall-pressjoni mir-ribelli biex ma titlifx il-qaleb u l-ġbejna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend