Wara li qed jagħmlu minn kollox sabiex Adrian Delia ma jibqax Kap Nazzjonalista, u sfiduċjawh erba’ darbiet, issa r-ribelli għadhom ma rnexxilhomx jingħaqdu wara kandidat wieħed sabiex jipprova jegħleb lil Delia.
It-Tlieta d-deputati ribelli kellhom ġurnata oħra ta’ laqgħat, li minnhom ma ħareġ xejn għax għadhom ma rnexxilhomx jingħaqdu wara kandidat wieħed.
Sorsi li tkellmu mal-Maltatoday qalu li d-deputati ribelli jridu lil xi ħadd li jkun jista jirbaħ lil Delia u jagħti ċans lil Partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni, għalhekk qed jipprovaw jingħaqdu wara kandidat wieħed.
Is-sors tal-Maltatoday żied jgħid li d-deputati ribelli iridu kandidat li jirnexxielu jnaqqar mill-voti ta’ Delia.
Fuq quddiem li jintgħażlu mill-fazzjoni Busuttil hemm Bernard Grech u Roberta Metsola.
Il-Maltatoday żiedet tirapporta li Delia diġà għandu 44% tal-Kunsilliera u jekk joħorġu iżjed minn kandidat wieħed f’isem il-fazzjoni ta’ Busuttil, Delia se jkollu kważi ċ-ċertezza li se jtellaq l-aħħar tellieqa quddiem it-tesserati.
B’hekk nifhmu li ta’ Busuttil ma jridux iżjed minn kandidat wieħed f’isimhom biex il-voti ma jinqasmux u b’hekk jakkwista Delia.
Għalhekk id-deputat li sfiduċjaw lil Delia jidher li remgħu kompletament lid-deputat Therese Comodini Cachia, dik li għall-ewwel riduha Kap tal-Oppożizzjoni iżda issa ma jriduha b’xejn biex tmexxi lill-Partit Nazzjonalista.
Sorsi li tkellmu mal-Maltatoday qalu bħal dak li rrappurtat il-gazzetta Kullħadd, nhar il-Ħadd li għadda, li Therese Comodini Cachia tinsab iddispjaċuta li d-deputati ħbieb tagħha issa injorawha kompletament u għasruha bħal-lumija.
Fost dawk li issa ma jridx lil Comodini Cachia hemm Jason Azzopardi li kmieni l-ġimgħa l-oħra mar jikkonfoffaw ma’ Bernard Grech sabiex jgħinu jirbaħ u jsirlu Kap Nazzjonalista.