Tliet persuni biss jinsabu l-isptar Mater Dei minħabba l-Covid-19 – One News

Notifiki

Tliet persuni biss jinsabu l-isptar Mater Dei minħabba l-Covid-19

Huma tliet persuni biss li qed jirċievu l-kura fl-isptar Mater Dei wara li kienu infettati bil-Coronavirus.

Dan ħareġ minn informazzjoni li ta l-Ministeru tas-Saħħa u li anki ġiet rappurtata fuq it-Times.

Fil-fatt sa nhar it-Tnejn li għadda tliet pazjenti biss kienu jeħtieġu kura f’Mater Dei, filwaqt li disa’ persuni oħra kienu fl-isptar Boffa u erba’ persuni oħra fl-isptar privat ta’ San Tumas.

Kelliem għall-Ministeru tas-saħħa spjega li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-aħħar pazjenti fi sptarijiet barra Mater Dei ma għandhomx bżonn kura għall-virus fi sptar iżda nżammu hemm għaliex kienu jgħixu ma’ persuni vulnerabbli jew ma jistgħux iżommu distanza soċjali ma’ nies oħra fejn jgħixu.

L-aħħar ċifri mill-awtoritajiet tas-saħħa juru li fl-aħħar ġimgħat inqas minn persuna għal kull għaxar persuni infettati kien jeħtieġilhom li jirċievu l-kura fi sptar u l-ebda persuna ma nżammet fit-taqsima għall-kura intensiva.

Nofs dawk li għandhom il-virus jinsabu iżolati fi djarhom u jekk wieħed jeskludi l-immigranti li ġew salvati mill-baħar u rriżulta li kellhom il-virus, il-biċċa l-kbira tan-nies infettati huma rġiel.

L-immigranti li ddaħħlu f’pajjiżna kollha jiġu ttestjati għall-virus kif inhi l-proċedura normali u dawk li jinstabu li għandhom il-virus jinżammu iżolati f’parti oħra taċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Far.
Il-bqija tal-immigranti li jkunu għadhom kif iddaħħlu jiġu segwiti u jinżammu fi kwarantina.

Saħansitra reġgħu saru wkoll testijiet fuq numru ta’ immigranti li kienu ddaħħlu fil-jiem ta’ qabel.

Intant il-Prim Ministru Robert Abela talab li għada jitlaqqa’ l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex tiġi diskussa l-pożizzjoni ta’ Malta fl-isfond tal-pandemija.

Il-Prim Ministru ħa din id-deċiżjoni wara li sema’ x-xewqa tal-imsieħba soċjali għal iktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti u t-triq ‘il quddiem.

Il-Gvern qal li jkun qed jagħti aġġornament fattwali tas-sitwazzjoni lill-MCESD u tenna li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija assolutament taħt kontroll u assigura li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex, b’mod bilanċjat u matur, ikompli jissalvagwardja saħħet il-poplu u l-għixien tan-nies bit-tisħiħ tal-ekonomija li minnha tiddependi l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *