Fi ftit ġimgħat oħra r-residenti f’Ħad Dingli se jkunu jistgħu jgawdu minn ġnien li d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jibni b’investiment ta’ aktar minn €600,000.
Il-ġnien se jara l-ħolqien ta’ spazju miftuħ ġdid flimkien ma’ faċilitajiet ta’ parkeġġ viċin tal-pitch tad-Dingli Swallows FC.
Fi żjara fis-sit mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg l-Erbgħa filgħodu, intqal li l-ġnien u l-parkeġġ se jkunu mifruxa fuq 2,000 metru kwadru.
Il-parkeġġ se jkollu spazju għal 25 karozza u l-ispazju se jkun aċċessibbli permezz ta’ rampi u materjali ta’ pavimentar apposta għal persuni b’diżabilità.
Il-Perit tal-proġett Alex Cutajar spjega li l-faċilitajiet tal-ġnien. Huwa spjega: “Art li kienet ilha abbandunata kkonvertejniha f’dal-park li se jkunu qed jikkonsisti f’parkeġġ ta’ karozzi, outdoor gym għar-residenti tal-area u xi ħaġa importanti huwa l-ġibjun taħt il-parkeġġ biex jiġbor l-ilma tax-xita tat-toroq tal-madwar.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Borg qal li minbarra proġetti kbar li qed itejbu b’mod sostanzjali l-kwalità tal-ħajja tan-nies, investimenti komunitarji bħal dan is-sit huma daqstant importanti.
Hu sostna: “Dan hu l-impenn tal-Gvern u nħarsu ‘l quddiem bi proġetti bħal dawn inkluż l-ikbar wieħed f’Ta’ Qali biex nirduppjaw l-ispazju li hemm f’Ta’ Qali għall-familji tagħna.”
Il-proġett mistenni jitlesta lejn il-bidu ta’ Settembru.