Beda’ l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb li tipproduċi d-dielja Maltija.
L-istaġun Malti jibda fl-aħħar ta’ Lulju u jibqa’ sejjer sal-aħħar ta’ Settembru, ferm qabel pajjiżi oħra li minħabba l-klima l-istaġun tal-qtugħ tagħhom jibda’ fil-ħarifa.
Żmien il-qtugħ tal-għeneb jkun mistenni ferm mill-madwar tnax-il produttur tal-għeneb f’pajjiżna.
Id-direttur fid-direttorat tal-agrikoltura Saviour Debono Grech saħaq li ladarba dan jinqata’ jgħaddi minn proċess rigoruz sabiex l-inbid li wieħed isib fil-flixkun ikun tal-ogħla kwalità.
“L-għeneb li jinqata’ u jsir inbid isiru testijiet barra minn Malta konnessi mal-Unjoni Ewropea jiġifieri importanti nesiġu li anke l-konsumatur jagħraf li l-inbejjed li jiġu produced hawn Malta huma ta’ kwalità.”
Kompla jispjega li fost oħrajn dan il-proċess iwassal biex f’kompetizzjonijiet tal-inbid barra pajjiżna, l-inbid tal-għenba Maltija jħabbatha sew mal-barranin.
Elenka li l-proċess li jwassal biex taqta’ l-għeneb jieħu kważi sena sħiħa, iżda imbgħad ir-riżultati jkunu tipi diversi ta’ inbid. L-ewwel tip li joħroġ huwa x-chardonnay.
“Hemm il-merlot, hemm is-syrah, imbgħad hemm speċi indiġeni Maltin li aħna kburin bihom bħall-Ġellewża u l-girgentina li jiġi produced f’inbid Malti. Dawn huma kollha varjetajiet li jiġu provduti lill-konsumatur f’inbejjed ta’ kwalità.”
Ftit qabel ma’ qata’ l-ewwel għanqud għeneb ta’ dan l-istaġun, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo qal li s-settur tal-inbejjed f’pajjiżna huwa ta’ eżempju għal setturi oħra fl-agrikoltura.
“Das-settur għaraf jirriforma ruħu għall-isfidi tal-futur, ra kif irid jimxi b’mod innovattiv, għamel ir-riċerka u għandna ir-riżultat. X’inhuwa r-riżultat – huwa inbejjed ta’ kwalità. DOK u IGT fejn għandek mhux inqas minn tnax-il produttur tal-inbid li jagħmlu inbid ta’ kwalità.”