Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi waqa’ fil-muta u mhux jaħlef aktar quddiem mistoqsijiet li sarulu dwar n-negozjant Yorgen Fenech.
Il-kummentatur politiku Dr. Simon Mercieca, saqsa lil Jason Azzopardi jekk huwiex lest jaħlef li qatt ma ċempel lil Yorgen Fenech minn wara li kien mar dak il-famuż tieġ? Azzopardi ma weġbix din il-mistoqsija.
Il-Ħadd Azzopardi kien ħalef li qatt ma ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech. Ftit wara l-ħalfa ta’ Jason Azzopardi feġġ ritratt tiegħu bit-tazza f’idu, jitbissem ma’ Yorgen Fench.
Ir-ritratt kien ittieħed fl-4 ta’ April elfejn u disgħa propja fit-tieġ ta’ Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dak iż-żmien Jason Azzopardi kien Segretarju Parlamentari tal-artijiet fil-gvern imexxi minn Lawrence Gonzi.
It-Tlieta Simon Mercieca ukoll saqsa lil Jason Azzopardi, hux lest jaħlef li qatt m’uża l-lukanda Hilton għall-attivitajiet elettorali tiegħu.
Hawnhekk ukoll Jason Azzopardi waqa’ fi skiet li jtarrax.
Omm Yorgen Fenech, Patricia Fenech, irrabjat bil-kumment ta’ Jason Azzopardi li ħalef li qatt ma ltaqa’ ma’ binha.
Fuq facebook, Patricia Fenech staqsitu “Dr. Azzopardi inti żgur?”
Żiedet tgħid li qed tissuspetta li dan l-aħħar il-memorja ta’ Jason Azzopardi mhux qed ittih.
“Allura qed tgħid li qatt f’ħajtek ma ltqajt ma’ ibni? Aħseb sew dottore”, qaltlu omm Yorgen Fenech.
F’kitba oħra ftit wara, omm is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia tgħid lil Jason Azzopardi, “U ħlift ukoll?”
Żiedet tgħid li miskin min jemmen lil Jason Azzopardi u b’ittri kbar qalet li hi tafu aħjar lil Jason Azzopardi u Azzopardi stess jaf lilha aħjar.
Talli kitbet hekk, Jason Azzopardi imblukka lil omm Yorgen Fenech sabiex ma tikxiflux aktar borom u neħħa l-kumment tagħha.