“Ħadna qatgħa kbira, ħsibna li sploda x’imkien ħdejna” – Nunzju Appostoliku Malti fil-Libanu – One News

Notifiki

“Ħadna qatgħa kbira, ħsibna li sploda x’imkien ħdejna” – Nunzju Appostoliku Malti fil-Libanu

Kienu għadhom kemm daqqu s-sitta ta’ filgħaxija u saċerdot kien qed iqaddes quddiesa. Fil-Libanu madwar għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni hija Kristjana.

Minn Ċipru, aktar minn mitejn kilomteru ‘l bogħod ħasbuh terremot, fil-kapitali Bejrut l-istorja kienet xorta oħra. Splużjoni kbira u sensiela ta’ splużjonijiet oħra wasslu għal qerda sħiħa.

Fl-ajru dehret daħna bajda kbira ġejja mill-port tal-kapitali Lebaniża u kull min joqgħod mal-għaxar kilometri ‘l bogħod minn fejn seħħet l-isplużjoni spiċċa anki bil-ħġieġ imkisser. Għoxrin kilometru ‘l bogħod minn fejn seħħet l-isplużjoni fil-qalba ta’ Bejrut kien hemm in-Nunzju Appostoliku għal-Libanu, l-Isqof Joseph Spiteri.

Huwa kellem lil ONE News b’mod esklussiv wara l-ħerba li ħalliet l-isplużjoni. “Aħna qegħdin 20 kilometru ‘l bogħod imma ħadna qatgħa kbira għax ħsibna li kienet qrib tagħna hawnhekk, fin-neighbourhood tagħna.”

Spjega li l-ħsarat f’Bejrut huma kbar. “Qalu li l-bini f’radius ta’ 10 kilometri jiġifieri l-ħġieġ inkiser. Tkellimt video call ma xi patrijiet xeni tal-biża ta’ gwerra. Twieqi totalment imfarrkin. Bibien sfrundati, hemm xeni tal-biki.”

In-nunzju appostoliku Malti żied jgħid li din l-isplużjoni se żżid mal-problemi umanitarji kbar li diġà jeżistu fil-Libanu. “Is-sitwazzjoni hija ħażina ħafna għax dak kollu li kien hemm fil-port. Fil-libanu diġa għandna kriżi umanitarja u ekonomija u ħafna mill-mħażen bl-ikel u qamħ u bil-affarijiet essenzjali kollox inqered bl-isplużjoni.”

Intant fl-aħħar żviluppi sar magħruf li l-isplużjoni ħadet wara nirien li żviluppaw viċin maħżen fejn kienet qed tinżamm kimika magħrufa bħala nitrat tal-ammonju.

B’kollox kien mal-elfejn, seba’ mija u ħamsin tunnellata ta’ din il-kimika li tintuża biex iddemmel l-għelieqi. Minn aktar investigazzjonijiet jirriżulta li minn tal-inqas mietu mija u tlettax-il persuna u ħafna aktar huma feruti.

Ġew salvati numru ta’ tfal iżda għad hemm ħafna persuni nieqsa. Il-Gvern Lebaniż impona ġimagħtejn stat ta’ emerġenza hekk kif l-isptarijiet mhux ilaħħqu man-numru nies midruba li spiċċaw f’ħoġorhom.

Franza, ir-Russja, l-Unjoni Ewropea u l-għaqda dinjija tas-saħħa lkoll bagħtu l-għajnuna fosthom tobba, infermiera, uffiċjali tas-salvataġġ u materjal mediku. Malta wkoll uriet is-solidarjetà tagħha permezz tal-President ta’ Malta George Vella u anki l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbar li l-ebda suldat Malti mill-għaxra li jinsabu f’operazzjonijiet f’Bejrut ma ndarbu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend