80% ta’ dawk li esperjenzaw qtugħ tal-elettriku ma damux iktar minn siegħa mingħajr dawl – One News

Notifiki

80% ta’ dawk li esperjenzaw qtugħ tal-elettriku ma damux iktar minn siegħa mingħajr dawl

Id-diversi sitwazzjonijiet ta’ qtugħ fil-provvista tal-elettriku fl-aħħar jiem kien kawża ta’ numru ta’ problemi fin-network tad-distribuzzjoni.

Tmenin fil-mija ta’ dawk li esperjenzaw il-qtugħ ma damux aktar minn siegħa mingħajr elettriku.

Il-problemi li seħħew kienu prinċiparjament kawża tat-temperaturi għoljin tas-sajf u kif ukoll peress li żdiedet id-domanda f’żoni residenzjali.

Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, l-inġinier Jason Vella f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħaxija hekk kif spjega li bħalissa hemm ħames timijiet esperti tal-kumpanija li qed jaħdmu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum sabiex it-tiswijiet isiru malajr kemm jista’ jkun.

Is-Sur Vella spjega: “Jirriżulta u huwa normali f’dan iż-żmien tas-sena li meta titla’ t-temperatura jibda’ jkollok speċjalment dawn l-elementi fin-network tad-distribuzzjoni tagħna li jkollok uħud minnhom li jfallu.”

Is-Sur Vella spjega li ħafna mill-każijiet damu ħin minimu mingħajr elettriku grazzi għall-investimenti ta’ miljuni ta’ ewro fis-sena fl-elf u sitt mitt substation tal-Enemalta mifruxin madwar il-pajjiż, li għamluha possibbli li dan il-qtugħ idum biss ftit minuti.

Huwa sostna: “Tajjeb li wieħed jgħid li fil-maġġor parti tal-każi il-qtugħ kien ta’ durata qasira ħafna. Fil-fatt fi 80% tal-każi il-qtugħ ta’ dawl ma damx iktar minn siegħa u kien hemm fil-fatt fi 32% tal-każi l-qtugħ ma’ damx iktar minn 10 minuti.”

B’reazzjoni għal dan il-qtugħ l-Enemalta ħarġet ukoll generators sabiex il-klijenti Maltin ikollhom l-elettriku f’qasir żmien.

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia li kien preżenti għal din il-konferenza spjega li l-provvista tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li għandha Malta huwa biżżejjed għall-użu li hawn bżonn bħalissa.

Il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll li fl-aħħar jiem kien hemm approvazzjoni ta’ ammont sostanzjali ta’ flus biex tul it-tliet snin li ġejjin jibda xogħol fuq networks antiki u problematiċi biex jiġu eliminati l-problemi tas-sħana u l-ħsara li tista’ ssir f’dawn in-networks.

Huwa stqarr: “Fl-aħħar jiem nista’ ngħid li kien hemm approvazzjoni ta’ ammont sostanzjali biex tul is-sentejn, tliet snin li ġejjin se jkun għaddej xogħol b’mod speċjali fuq in-networks l-iktar antiki u l-aktar problematiċi.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend