“Sensittiv għall-karba tan-nies” – il-Prim Ministru dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni – One News

Notifiki

“Sensittiv għall-karba tan-nies” – il-Prim Ministru dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni

“Sensittiv għall-karba tan-nies, smajt lin-nies jitkellmu u rrid inkun jien li nagħti r-risposti. Ir-risposti qegħdin hemmhekk, soluzzjoni għall-problema sħiħa, ma hemmx.”

Kien b’dan il-mod skjett li l-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni waqt il-programm Pjazza Edizzjoni Sajf.

Il-Prim Ministru qal li din mhix problema li qed inħabbtu wiċċna magħha għall-ewwel darba, imma din is-sena tinħass aktar mhux minħabba n-numri imma minħabba l-COVID-19.

Fakkar li fl-eqqel tal-pandemija mar il-Libja biex din il-problema tiġi indirizzata qabel ma tasal.

Qal li dan il-Gvern daħal f’sett ta’ liġijiet li l-pajjiż huwa marbut magħhom.

Meta tkellem dwar il-konsegwenzi, fakkar fil-każ meta hu, il-Brigadier u s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta spiċċaw taħt inkjesta wara li waqqfu numru ta’ immigranti milli jidħlu.

“Fil-mument li nieħdu deċiżjoni li ma tkunx konformi mal-liġijiet internazzjonali u t-trattati li aħna writtna mingħand ħaddieħor, hemm il-konsegwenzi fuq il-pajjiż, fuq il-membri tal-Forzi Armati tagħna, u jistgħu jittieħdu proċeduri kriminali”, spjega l-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela semma li l-Gvern Malti qed jagħmel minn kollox biex jindirizza din il-problema, imma jsib lil ħaddieħor li jipprova jagħti gambetta.

Huwa spjega b’dettall l-għażliet li jkun affaċċjat bihom ġieli anki f’nofs ta’ lejl, fejn ikun hemm il-ħajja ta’ eluf kbar ta’ persuni fin-nofs.

“Hemm għażla li tħalli n-nies jegħrqu u tkun responsabbli għal qtil volontarju, involontarju, ksur ta’ liġijiet u tgħix b’kuxjenza li tkun ħallejt in-nies jegħrqu, jew tagħti s-salvataġġ”, spjega Dr Abela.

Il-Prim Ministru ċaħad kategorikament l-argument, li ġie nnegozjat pakkett tajjeb mal-Ewropa għal pajjiżna biex indaħħlu aktar immigranti f’pajjiżna.

Filwaqt li qal li jifhem is-sentiment tal-poplu, talab lill-poplu jifhem li l-ħajja għandha tirbaħ f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji u saħaq fuq il-bżonn li ssir aktar ħidma biex tinstab is-soluzzjoni sħiħa fix-xtut Libiċi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend