“Irridu nibqgħu mexjin kif aħna, is-sitwazzjoni taħt kontroll” – il-Prim Ministru dwar il-pandemija – One News

Notifiki

“Irridu nibqgħu mexjin kif aħna, is-sitwazzjoni taħt kontroll” – il-Prim Ministru dwar il-pandemija

Il-preżentatur tal-programm irrimarka li fi ftit xhur li ilu fit-tmun tal-pajjiż, Robert Abela affaċċja diversi sfidi, fosthom pandemija globali u l-kriżi tal-immigrazzjoni.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru qal li jinqala’ x’jinqala’ se jsibu Gvern li se jaħdem biex jindirizza l-problemi, u l-mumenti diffiċli li diġà affaċċja, urew kemm dan huwa Gvern b’saħħtu u reżiljenti.

Il-Prim Ministru qal li s-sentiment tan-nies huwa s-sentiment tiegħu, imma jeżistu limitazzjonijiet u obbligi li jeħtieġu li l-problema tibqa’ tiġi miġġielda.

Dwar il-pandemija, il-Prim Ministru nnota li hemm min qed jieħu pjaċir bl-għawġ u jara x’jivvinta biex ikisser il-ħidma tal-Gvern.

“Aħna xorta nibqgħu nippriedkaw fuq il-valur li ma jintilfux il-ħajjiet imma ninsistu fuq il-prinċipju tas-solidarjetà Ewropea”, saħaq il-Prim Ministru.
Qal li n-numru telgħu minħabba li ġew salvati l-immigranti.

“Aħna llum għandna kważi n-nofs ta’ persuni li huma pożittivi għall-COVID-19 li huma immigranti irregolari li mhumhiex fil-komunità imma qegħdin f’iżolament f’postijiet li huma msakkrin”, spjega l-Prim Ministru, li żied li dan sar biex tiġi ssalvagwardjata l-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Dr Abela saħaq fuq il-punt prinċipali li jrid isalva l-għixien tal-Maltin u l-Għawdxin.

“Kull deċiżjoni li ħadna, b’kuxjenza safja, ħadniha biex nipproteġu l-ħajja u l-għixien tan-nies tagħna.”

Spjega li filwaqt li hemm min qed jifraħ li żdiedu n-numri, irridu nibqgħu prudenti, viġilanti u nsegwu l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, mingħajr ma noħolqu allarm żejjed.

Fakkar li l-persuni infettati huma bla sintomi jew sintomi ħfief.

Saħaq fuq il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija, u qal li s-sitwazzjoni hija kompletament taħt kontroll.

“Irridu nibqgħu mexjin kif aħna, li nżommu l-prudenza, imma qed nikkontrollaw is-sitwazzjoni b’mod tajjeb ħafna imma ma rridux inbeżżgħu. Jekk ikun hemm attività li naraw li hija sogru, ma ssirx.

Id-deċiżjonijiet meħtieġa se jittieħdu kollha għax is-saħħa tan-nies tibqa’ prijorità imma ejja ma mmorrux għall-mument li wieħed jipprova jiskurja punti politiċi. Dan huwa mument fejn għandha tirbaħ l-għaqda nazzjonali”, saħaq il-Prim Ministru, meta tkellem dwar min qed jipprova jieħu opportunità biex jimbotta lill-Gvern.

Qal li m’għandniex inċaħħdu lin-nies milli jkomplu b’ħajjithom la s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll, u rridu nidraw ngħixu bil-virus sakemm jinstab vaċċin.

Għal min qal li kien assenti, il-Prim Ministru kellu din it-tweġiba.

“Kont assenti mill-midja imma mhux mix-xogħol. Illum kont l-uffiċċju waħdi nħażżeż id-deċiżjonijiet li rridu nieħu għall-pajjiż. Dan huwa l-mod kif tmexxi pajjiż.”

Appella biex kulħadd jieħu gost bil-ġid, u qal li anki f’kuntest li fiż-żmien li ġej ikun hemm Kap tal-Oppożizzjoni ġdid, għandu jkun persuna li jieħu pjaċir bil-ġid li jsir għall-pajjiż.

Għalaq b’messaġġ pożittiv li fil-ħidma tiegħu, il-Gvern se jkompli juri kemm jemmen fin-nies u kemm għada se jkun aħjar mil-lum.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend