Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech tkellem mal-Independent fejn qal li realistikament l-elezzjoni għal Kap Nazzjonalista trid tkun deċiża qabel il-festi tal-Indipendenza.
Madanakollu fisser li d-dati eżatti jitħabbru mill-Kummisjoni Elettorali mmexxija minn Peter Fenech li kien ħa post Gejtu Vella meta dan irriżenja ġimgħa biss wara li nħatar.
Ta’ fehma simili huwa l-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione li mal-istess gazzetta qal li hu ukoll irid li t-tellieqa għal kap ssir sat-tieni ġimgħa ta’ Settembru.
Jekk iżjed minn żewġ kandidati jikkontestaw l-elezzjoni wara li jgħaddu mill-proċess ta’ verifika, jissejjaħ kunsill ġenerali straordinarju ieħor biex il-kunsilliera iniżżlu l-kandidati għal tnejn.
Dawn imbgħad imorru quddiem it-tesserati biex issir l-għażla finali.
Fost il-kandidati se jkun hemm żgur il-Kap attwali Adrian Delia li diġa kkonferma li se jitfa’ ismu.
Kontrih hemm imsemmija li joħorġu Bernard Grech, li bħal-lum ġimgħa nqabad jikkonfoffa ma’ Jason Azzopardi f’ħanut tax-xorb Tas-Sliema.
Jissemmew ukoll ismijiet bħal Roberta Metsola u dik li kienet imbuttata li ssir Kap tal-Oppożizzjoni flok Delia, Therese Comodini Cachia.
Għadu mhux magħruf x’se jagħmlu ismijiet oħra bħal Joe Giglio u Mark Anthony Sammut.
Kif kien żvela ONE News, il-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil qed taħdem biex ma tirrepetix l-iżball li għamlet fl-2017 u se toffri għażla vasta ta’ kandidati li jolqtu gruppi differenti ta’ Nazzjonalisti sabiex jiżguraw li Delia ma jiġix elett mill-ġdid.
Dan minkejja li l-favorit assolut tal-fazzjoni Busuttil huwa Bernard Grech.
Min minn dawn jasal għal vot quddiem it-tesserati se jkollu l-barka u l-appoġġ sħiħ tal-fazzjoni Busuttil.