400 persuna inqas fir-reġistru tal-qgħad – One News

Notifiki

400 persuna inqas fir-reġistru tal-qgħad

Fl-aħħar seba’ ġimgħat, ir-reġistru tal-qgħad esperjenza tnaqqis kbir, hekk kif madwar erba’ mitt persuna sabu impjieg.

Dan ifisser li fl-eqqel ta’ pandemija globali – meta bosta bassru li kienet se twassal għal għexerien ta’ eluf ta’ persuni qiegħda f’pajjiżna – in-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol f’Malta kompla jonqos.

Fil-fatt, fl-eqqel tal-pandemija, in-numru ta’ nies qiegħda kien ftit aktar minn erbat elef u erba’ mija. Dan niżel għal madwar erbat elef persuna sa tmiem Lulju.

Apparti minn hekk, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, Malta saret il-pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.

F’pajjiżi oħrajn, il-qgħad qed jilħaq livelli daqs dawk tas-snin tletin, imma pajjiżna qed jirreġistra tnaqqis tajjeb fir-reġistru tal-qgħad.

F’Ġunju li għadda, il-qgħad fiż-żona Ewro kien medja ta’ sebgħa punt tmienja fil-mija u f’pajjiżna kellna l-inqas rata – dik ta’ erbgħa punt tnejn fil-mija.

F’Għawdex it-tnaqqis kien tliet darbiet akbar u laħaq l-għaxra fil-mija, li jirrifletti l-fatt li t-turiżmu domestiku lejn il-gżira Għawdxija rpilja.

Kif bassru esperti internazzjonali, fosthom l-ekonomisti tal-Kummissjoni Ewropea u dawk tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-ekonomija Maltija kienet l-ewwel waħda li bdiet tirpilja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend