Raġel ta’ 61 sena residenti Marsaskala sofra ġrieħi gravi wara li waqa’ bil-mutur fin-Naxxar. L-inċident seħħ għall-ħabta tad-09:30 tas-Sibt filgħodu fi Triq San Ġorġ meta għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-mutur u waqa’.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura medika. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi. Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.