L-UE se tagħti €22 miljun għat-tieni l-akbar proġett ambjentali f’Malta – One News

Notifiki

L-UE se tagħti €22 miljun għat-tieni l-akbar proġett ambjentali f’Malta

L-Unjoni Ewropea se tagħti fond ta’ madwar tnejn u għoxrin miljun ewro għall-proġett li permezz tiegħu se jitnaqssu bil-kbir l-emmissjonijiet fil-Port il-Kbir.

Deskritt bħala t-tieni l-akbar proġett ambjentali f’Malta, b’investiment ta’ ħamsin miljun ewro, issa l-bastimenti kollha li jidħlu fil-Port il-Kbir, partikolarment il-cruiseliners, se jkunu qed jitfu l-magna u jieħdu l-enerġija mill-art għall-baħar.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu, fejn fl-isfond tal-veduta pittoreska tal-Port Malti, il-Ministru Ian Borg spjega kif il-Port il-Kbir għandu wieħed u ħamsin fil-mija tal-popolazzjoni Maltija tgħix qribu u b’hekk se jkun ukoll proġett favur saħħet il-poplu Malti.

“Dan il-proġett huwa t-tieni l-akbar proġett ambjentali ta’ kull żmien, huwa proġett li Gvern Laburista qed jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi b’mod partikolari n-nies ta’ madwar il-Port il-Kbir. L-ewwel wieħed kien meta għalaqna l-power station tal-Marsa. Dan issa se nkunu qed nidiġilitizzaw u nenerġinizzaw iġifieri nagħtu l-enerġija lill-vapuri sabiex jitfu l-magni meta jidħlu fil-port. ”

Il-Ministru Borg spjega wkoll li meta cruise liner jidħol fil-Port il-Kbir u jħalli l-magna mixgħula għal kważi tmien sigħat, hija ekwivalenti għal meta tliet mitt elf karozza jaqsmu mill-Mellieħa għall-Marsaxlokk.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dawn il-Fondi huma addizzjonali u m’għandhomx x’jaqsmu ma’ dawk storiċi li Malta kisbet ftit tal-jiem ilu.

“Dawn il-fondi jmorru lil’hinn kemm mill-pakkett finanzjarju li Malta kisbet għas-seba’ snin li jintemmu din is-sena kif ukoll lil’hinn mill-pakkett finanzjarju li kisbet għas-seba snin li ġejjin. Huma fondi diretti mill-Kummissjoni Ewropea u allura aħna sodisfatti ħafna li rnexxielna nikkonvinċu lill-kummissjoni  biex tagħtina dawn il-fondi addizzjonali.”

Zrinzo Azzopardi saħaq ukoll fuq l-importanza li dan il-proġett irid iservi bħala mudel biex anki l-awtoritajiet tal-Freeport jirsistu għal proġett simili biex minnu jibbenefikaw ir-residenti ta’ Birżebbuġa u tal-madwar.

Permezz ta’ dan l-investiment, il-Port il-Kbir se jsir fost l-ewwel portijiet fl-Ewropa li juża din it-teknoloġija ambjentali.

Infatti, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat il-benefiċċji ambjentali ta’ dan il-proġett, li jinkludu t-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja u tal-istorbju fiż-żona ta’ madwar il-Port il-Kbir. Innutat l-proġett se jikkontribwixxi għal trasport aktar sostenibbli u tnaqqis fl-emissjonijiet, f’konformità mal-miri tal-emerġenza dwar il-klima.

Bħalissa Infrastruttura Malta għada għaddejja bi proċess biex tidentifika l-kuntrattur li se jipprovdi t-tagħmir u jagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa għal dan il-proġett.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Aħjar tara kif tgħina fil-kwestjoni tal-emigranti llegali l-ue għax iktar min dawk ser ikollna milli Cruise liners!!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend