Enemalta qed tindirizza ħsarat fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-High Tension wara li fl-aħħar sigħat kien seħħew ħsarat li f’uħud mil-cables tal-High Tension li jiffurmaw parti min-network ta’ distribuzzjoni.
Matul il-jum tal-bieraħ u kmieni dalgħodu, dawn il-ħsarat affettwaw diversi lokalitajiet kemm fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż kif ukoll oħrajn fin-naħa t’isfel. Fl-istess waqt kien hemm xi lokalitajiet affetwati fil-gżira Għawdxija.
Filwaqt li l-provvista tal-elettriku reggħet lura għan-normal, Il-ħaddiema ta’ Enemalta plc kienu u għadhom għaddejjin b’ħidma biex dawn il-ħsarat jissolvew fl-iqsar ħin possibbli. Enemalta ma teskludix li jkun hemm mumenti qosra ta’ nterruzzjoni f’ċerti lokalitajiet hekk kif ikunu qed jiġu ffinalizzati t-tiswijiet.
Enemalta plc tiskuża ruħha għal kull inkonvenjent li seta’ inħoloq kaġun ta’ dawn il-ħsarat u tfakkar li n-network ta’ distribuzzjoni li jwassal il-provvista tal-elettriku fid-djar tagħhom huwa wieħed li għandu l-kapaċita’ meħtieġa biex ilaħħaq mad-domanda għall-elettriku f’kull perjodu tas-sena anke matul ix-xhur tas-sajf fejn minħabba s-sħana straordinarja li tolqot lill-Gżejjer Maltin id-domanda għall-elettriku tkun ferm għolja.