20:50 – ONE News jinsab infurmat li apparti l-Kap Nazzjonalista, se jkunu qed jitkellem esponent mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
20:37 – Fi ftit tal-minuti oħra, il-Kap tal-PN Adrian Delia se jkun qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet.
20:17 – Riżultat Uffiċjali: Votazzjoni għal Kap – 839 vot; Konferma għal Kap – 659 vot; Invalidi – 11-il vot
20:12 – Minn informazzjoni li kiseb ONE News, madwar 55% tal-kunsilliera Nazzjonalista għażlu elezzjoni oħra għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. L-istess sorsi qalulna li d-differenza taf tkun ta’ madwar 170 vot bejn l-għażla tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u dik ta’ Adrian Delia.
20:01 – Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fuq il-profile tiegħu fuq Facebook irringrazzja lill-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali hekk kif mill-ewwel indikazzjonijiet qed juru li l-maġġoranza tal-kunsilliera vvutaw favur elezzjoni oħra għal Kap Nazzjonalista.
19:54 – Jintemm il-proċess tas-sorting, bil-voti kollha ġew imqasmin fil-garzelli rispettivi.
19:49 – Isegwu l-għadd tal-voti hemm rappreżentanti miż-żewġ fazzjonijiet li tul dawn l-aħħar tliet snin qasmu l-PN.
19:44 – L-ewwel indikazzjonijiet komplew jikkonfermaw il-qasma fil-Partit Nazzjonalista, hekk kif il-voti lejn Konferma tal-Kap jew Elezzjoni għal Kap Nazzjonalista Ġdid huma viċin ħafna.
19:36 – Jibdew jingħaddu l-voti.
19:28 – Jasal fid-Dar Ċentrali, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo, bil-preżenza tal-partitarji Nazzjonalisti tibda tiżdied.
19:18 – Bħalissa għaddejja r-rikonċiljazzjoni tal-voti u mistenni li fi ftit minuti l-voti jinqelbu wiċċhom ‘il fuq u jibdew jintefgħu fil-garżelli.
18:52 – Il-voti jibdew jinqelbu wiċċhom ‘l isfel. Tikber l-istennija u fid-Dar Ċentrali tinħass tensjoni kbira bejn esponenti taż-żewġ fazzjonijiet fil-PN.
18:48 – Tispikka l-preżenza tal-pulizija barra d-Dar Ċentrali.
18:38 – Jidħlu l-ewwel kaxxi bil-voti tal-Kunsilliera u nfetħu s-siġilli tal-kaxxi tal-voti. Nistmaw li daqs siegħa oħra jkun magħruf ir-riżultat.
18:22 – Il-Partit Nazzjonalista qal li minn 1,630 kunsillier eleġibbli biex jivvutaw, ivvutaw 1,509 kunsillier – madwar 93% tal-votanti eleġibbli.
18:21- Bħalissa l-Kap tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista Dr. Peter Fenech beda’ jagħti struzzjonijiet lil min se jgħodd il-voti. Intant il-midja li nġabret barra d-Dar Ċentrali biex tara l-eżitu ta’ dan il-vot iddaħħlet ġewwa fejn il-ġurnalisti qegħdin isegwu xandira tal-istazzjon Nazzjonalista. Bħalissa l-istazzjon Nazzjonalista qed jiddiskuti l-funzjoni tal-Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali, bi ftit li xejn filmati ta’ x’qed jiġri waqt l-għadd tal-voti.
18:15 – Għal darba oħra l-jum tas-Sibt kien wieħed kkaratrizzat minn diversi botti jaħarqu fejn il-fazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista. Permezz ta’ stqarrija, Louis Galea tenna li l-Partit Nazzjonalista għandu jniedi proċess ta’ mexxej ġdid. Fl-istess waqt André Grech li huma membru tal-Eżekuttiv leali lejn Adrian Delia fuqir-radju tal-Knisja qal li Delia qatt ma kien tħalla jaħdem u kien hemm min oppona t-tmexxija tiegħu qabel biss daħal fil-Parlament.
18:00 – Fis-sitta ta’ filgħaxija għalqet il-votazzjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. F’din il-votazzjoni l-Kunsilliera vvutaw fuq żewġ mistoqsijiet waħda għall-konferma tal-Kap mit-tesserati u oħra biex issir elezzjoni sabiex il-PN jaħtar Kap.