Delia jgħid li llejla ma tilifx vot ta’ fiduċja u tenna li se jikkontesta l-elezzjoni għal Kap tal-PN – One News

Notifiki

Delia jgħid li llejla ma tilifx vot ta’ fiduċja u tenna li se jikkontesta l-elezzjoni għal Kap tal-PN

Il-Partit Nazzjonalista għadu ħaj u ma tlift l-ebda vot ta’ fiduċja.

Hekk qal il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia minuti biss wara li 56% tal-kunsilliera għażlu li tiskatta tellieqa oħra għal Kap Tal-Partit Nazzjonalista.

Delia stqarr: “Ma kienx hemm vot ta’ sfiduċja. Kieku kien hemm vot ta’ sfiduċja, effettivament kien ikun hemm immedjetament obbligu tiegħi illi ninterpretah. Pero fattwalment il-kunsilliera ngħataw option x’mistoqsija jixtiequ jibagħtu lit-tesserati. Mela mhux kwistjoni ta’ vot ta’ sfiduċja.”

Qal li għandu kull fiduċja fit-tesserati u tenna li se jerġa’ jikkontesta għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa prova jiġġustifika r-riżultat billi qal li l-kunsillera għażlu kuntest miftuħ.

Spjega li tliet snin ilu kien ingħata mandat biex iwettaq missjoni u li l-vot tagħhom ifisser ħafna.

Qal li jekk jintgħażel kap ġdid minfloku huwa se jirrispetta r-riżultat u wiegħed li jaħdem iktar minn qatt qabel mal-persuna magħżulha.

Qal li jekk jintgħażel mill-ġdid se jwettaq bidliet kbar li skontu ilhom jintalbu. Fil-ġranet li ġejjin, Adrian Delia se jniedi l-kampanja bl-isem ta’ ‘Mod Ġdid – b’nies ġodda’ – f’dik li hija indikazzjoni ċara li jekk jibqa’ kap wara l-elezzjoni, se jtiru l-irjus.

Delia sostna: “Taħt l-għajta ‘Mod ġdid, b’nies ġodda’, illi vera jemmnu u jħaddnu dan il-messaġġ. F’idejkom għandkom l-għażla dwar xi tridu. Partit Nazzjonalista tan-nies jew Partit Nazzjonalista tal-ftit.”

Fil-konferenza tal-aħbarijiet huwa tefa’ botti u fetaħ attakk ġdid fuq il-fazzjoni li trid teqirdu u fakkar kif dawn pruvaw inneħħuh minn Kap tal-Oppożizzjoni iżda kienu żbaljati.

Huwa kompla jgħid: “Il-grupp parlamentari m’għandux l-obbligu u l-funzjoni illi jeleġġi. Hawn min ħaseb li iva illi għandu d-dritt li jeleġġi l-Kap tal-Oppożizzjoni. Mhux hekk hu. Kienu żbaljati però ddirezzjonajniehom illi huma biss it-tesserati tagħna li jagħżlu l-Kap tal-partit u mbagħad eventwalment il-Kap tal-partit awtomatikament ikun il-Kap tal-Oppożizzjoni.”

F’attakk ieħor lejn il-fazzjoni tar-ribelli li jridu jeqirduh, Delia qal li dawk jagħmlu l-kampanji tagħhom ibbażati fuq il-gideb u l-kalunji.

Delia saħaq: “Imbagħad ovvjament dawk illi diġà qed juru illi l-interess tagħhom hu mhux il-partit imma huma nfushom u jippużaw anki l-kampanji tagħhom. Mhux fuq il-verità, it-tama, il-produttività, l-ideat u l-proposti imma biss fuq il-gideb u l-kalunji. Allura ċertament dawk ma jkunux qed jirrispettaw ir-ruħ tal-Partit Nazzjonalista.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend