Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ressaq kontro-protest kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Wara li l-Ġimgħa wara nofsinhar Delia ressaq protest ġudizzjarju kontra Azzopardi fuq qlajjiet malafamanti, dalgħodu Jason Azzopardi kompla issa mhux biss bil-battalja fil-partit kontra Delia iżda issa anki fil-Qorti.
Fil-protest ġudizzjarju, Delia irrefera għal numru ta’ messaġġi li rċivew terzi persuni mingħand Jason Azzopardi li fost l-oħrajn jgħidu li Delia ħa flus m’għand Yorgen Fenech biex David Casa ma jitlax fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Fil-kontro-protest, Azzopardi qal li l-ebda protest ġudizzjarju ta’ Delia ma jista’ jmeri s-sewwa magħruf, jiġifieri li Delia żamm komunikazzjoni sigrieta mas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, wara li sar magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Jason Azzopardi qal li hu m’għandu xejn x’jirtira u li Delia qed jaħbi l-effetti politiċi tal-għażliet illi huwa għamel wara kliem fieraħ legalistiku. Fil-kontro-protest, Azzopardi qal li Delia qed jiġi jaqa’ u jqum li jniżżel il-partit miegħu.
Id-deputat tas-sbatax-il eroj blu sostna li Delia imkien ma qal li dak allegat dwaru, jiġifieri li rċieva eluf ta’ ewro m’ għand Yorgen Fenech biex tiġi imminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa, ma kienx veru. “Dik hija l-mamma ta’ kollox”, inkiteb fil-kontro-protest ta’ Jason Azzopardi.
Il-kontro-protest t’Azzopardi talab ukoll lil Delia biex jieqaf iħarref, iqarraq u jigdeb u qed iżommu responsabbli għad-danni.